Lokali Parlament

Is-sistema tal-ġustizzja għandha tkun protetta partikolarment fil-kuntest tal-estradizzjonijiet


Karol Aquilina, PN


Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar bidliet fil-liġi dwar l-estradizzjoni, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina qal li s-sistema tal-ġustizzja għandha tkun protetta partikolarment fil-kuntest tal-estradizzjonijiet.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Karol Aquilina sellem il-memorja ta’ Karl Gouder u qal li kien li jaf lil Karl 35 sena ilu. Hu qal li Karl Gouder kien diġà jispikka fil-Kulleġġ San Alwiġi b’sens li jrid jibni pontijiet ma’ kulħadd. Karl laqat ħafna nies f’ħajtu, sostna Karol Aquilina, li kompla li Karl ħoloq sens ta’ dibattitu iżda b’rispett. Dan l-element m’għandux jintilef, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Karol Aquilina qal li hu meħtieġ li fil-liġi hemm nuqqasijiet minħabba li ċertu aspetti tas-sistema legali ma toħroġx ċertu nuqqasijiet. Għalhekk, hu tajjeb li l-Parlament jilleġiżla biex jinbidlu l-liġijiet fejn meħtieġ.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-qrati tal-pajjiż wissew fuq diversi liġijiet iżda l-Parlament m’għandux sistema li jagħmel xi ħaġa dwaru. Jeħtieġ diskussjoni dwar jekk għandhiex tibqa’ prattika aċċettabbli li l-Parlament jinjora dak li tgħid il-Qorti.

Hu appella biex is-sitema tal-ġustizzja tittejjeb u jintbagħat messaġġ li hawn fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja. Is-sistema tal-ġustizzja għandha tkun protetta partikolarment fil-kuntest tal-estradizzjonijiet. Għalhekk, il-liġijiet għandhom ikunu aġġornati biex min jiffaċċja estradizzjoni jkun trattat b’mod ġust u li jkollu ċ-ċertezza legali dwar dak li jkun qed iseħħ fil-konfront tiegħu. Din tkun deċiżjoni li jkollha impatt kbir fuq il-persuna.