Lokali Parlament

Jeħtieġ investiment effettiv dwar is-saħħa mentali


– Ian Vassallo, PN


Id-deputat Nazzjonalista Ian Vassallo qal fl-Aġġorament tal-Parlament li jeħtieġ investiment effettiv dwar is-saħħa mentali.

Ian Vassallo sellem lill-eks deputat Nazzjonalista Karl Gouder u qal li hawn bżonn li fil-pajjiz issir iktar diskussjoni fuq is-saħħa mentali. Fl-aħħar snin il-gvern wiegħed li se jagħmel investimenti kbar f’dan is-settur, iżda fir-realtà l-Gvern ma wettaqx il-wegħdi tiegħu.

Il-fatti juru li s-saħħa mentali hi l-pandemija ġdida fuq livell internazzjonali. Il-ġenerazzjoni li tiela’ qed ikollha 150% żieda fil-problemi tas-saħħa mentali mill-ġenerazzjoni ta’ qabilha. Għalhekk, ma jistax ikun li l-Gvern ma jinvestix f’dan is-settur. Minn wara l-COVID kien hawn żieda ta’ 20% f’każi relatati mas-saħħa mentali u din is-sena biss il-Pulizija rċeviet rapporti ta’ 21 suwiċidju li seħħu.

Fost il-problemi li qed iwasslu għal problemi ta’ saħħa mentali hemm it-traffiku, l-istress fuq il-post tax-xogħol, ħinijiet twal fuq il-post tax-xogħol, l-istigma tas-saħħa mentali, il-prezzijiet għoljin tal-proprjetà, il-problema tal-kontijiet, il-problema tal-kostruzzjoni u l-ħsejjes fil-lokalitajiet, is-solitudni, nuqqas ta’ rqad, problemi ta’ dieta u l-għoli tal-ħajja. Sadattant, il-Gvern għadu ma daħħalx mediċinali li huma iktar effettivi fuq is-saħħa mentali u hemm lista ta’ stennija twila fuq l-MRI.

Minħabba li ma sarx l-investiment imwiegħed fi sptar ġdid tas-saħħa mentali, għad hemm stigma f’Monte Carmeli. Hu qal li qed tikber il-problema fost it-tfal u ż-żgħażagħ u għalhekk għandu jkun hemm servizzi fid-djar u fil-komunità aħjar.