Internazzjonali

L-Albanija: Protesti kontra l-korruzzjoni u l-manipulazzjoni tal-elettorat minn ‘klikka Soċjalista’

Il-poplu fl-Albanija qed iżid il-protesti ħorox kontra l-Partit Soċjalista fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Edi Rama. Dan ukoll meta diversi gruppi soċjali qalu li mhumiex lesti li jgħixu fi stat ta’ apatija f’sitwazzjoni fejn il-pajjiż qed jinħakem minn ‘klikka ta’ kriminali’.

L-Oppożizzjoni Albaniża qed takkuża lill-Gvern Soċjalista dwar korruzzjoni, manipulazzjoni tal-elettorat flimkien  mas-‘serqa tal-poteri’ lill-ġudikatura tal-pajjiż. Fl-istess ħin, saret referenza għal azzjonijiet oħrajn min-naħa tal-Gvern intiżi biex iservu l-interessi tal-ftit għall-iskaptu tal-poplu.

Eluf ta’ dimostranti, fil-bidu tal-ġimgħa, inġabru barra l-bini ewlieni tal-Gvern, f’Tirana, fejn fost oħrajn għajtu messaġġi kontra ‘d-dittatorjat li ġab gwaj lil pajjiżu’.  U s-sitwazzjoni fil-kapitali, sigħat ilu, qalbet għall-agħar meta s-sostenituri tal-Oppożizzjoni ġġieldu mal-Pulizija fost it-tfigħ tal-bombi molotov.

Kien hemm anki l-gruppi ta’ dimostranti li nġabru barra l-kwartieri ġenerali tal-Partit Soċjalista u fejn twaddbu aktar ‘molotovs’ – bin-nies jaħarqu r-ritratti ta’ Edi Rama u bil-ġlied mal-Pulizija jkompli anki barra l-bini tal-Ministeru għall-Intern u l-bini muniċipali f’Tirana.

Il-Pulizija rreaġixxiet bil-gass tad-dmugħ waqt li l-mijiet tal-uffiċjali għaż-żamma tal-liġi skjeraw ruħhom fid-diversi zoni tal-kapitali biex jipproteġu lill-istituzzjonijiet tal-Gvern – u sakemm il-folol tferrxu mill-inħawi. Ir-rapporti qalu li f’dawn l-inċidenti weġġgħu numru mhux stabbilit ta’ dimostranti u membri tal-korp tal-pulizija.

Fil-fatt, diversi dimostranti kellhom jittieħdu l-isptar isofru mill-ġrieħi u l-effetti tal-gass, bis-Segretarju-Ġenerali tal-Partit Demokatiku, Flamur Noka, iwiegħed li l-kampanja ta’ diżubbidjenza ċivili għandha tkompli ‘kontra Gvern li qed iżomm lill-pajjiż bħala ostaġġ.’

Iridu Gvern teknokratiku minflok is-Soċjalisti

L-għajta fost il-maġġoranza tal-Albaniżi hi biex il-Gvern Soċjalista jċedi postu lil kabinett teknokratiku qabel l-elezzjonijiet parlamentari tas-sena d-dieħla fl-Albanija

U s-sitwazzjoni għall-Albanija saret aktar ikkumplikata meta l-Gvern ta’ Rama, aktar ‘il quddiem fix-xahar, irid jibda t-taħditiet mal-Unjoni Ewropea dwar kif l-Albanija tista’ titmexxa aħjar skont il-kriterji tal-Unjoni relatati mal-amministrazzjoni tal-liġi.

Fl-istess ħin, l-Albanija tinsab taħt pressjoni kbira biex taċċerta mill-funzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi u biex tirranka l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fost l-ogħla livelli tat-tmexxija kif ukoll f’setturi oħra tal-pajjiż.

Il-Partit Demokratiku tal-Eks Prim Ministru Albaniż, Sali Berisha, ilu l-aħħar ġimgħa jorganizza l-protesti barra l-bini tal-Parlament f’Tirana. Dan wara li membru tal-partit ta’ Berisha spiċċa l-ħabs fost akkużi li hu indirizza ‘il-kalunji’ fil-konfront ta’ xi membri tal-Gvern u bl-Oppożizzjoni qed tinsisti li dan ir-raġel spiċċa vittma ta’ ‘kumplott politiku’ min-naħa tas-Soċjalisti.

L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea issa ħeġġew biex l-Oppożizzjoni Albaniża tidħol mill-ġdid fi djalogu mal-Gvern ta’ Rama – u fost it-twissija li l-vjolenza mhix se tgħin biex l-Albanija tintegra ruħha fi ħdan l-Unjoni ta’ 27 pajjiż membru.

Minn naħa tagħhom, id-Demokratiċi qed jgħidu li s-Soċjalisti fil-Gvern ma jridux jafu bi djalogu serju, huma u jinsistu biex il-Kap, Sali Berisha, jinħeles minn sitwazzjoni ta’ arrest fejn sal-lum għadu projbit milli joħroġ minn daru. Huma qed jgħidu li Berisha wkoll spiċċa ‘ostaġġ ta’ kampanja qarrieqa’ wara li hu kien ikkundannat għall-arrest waqt investigazzjoni dwar allegata korruzzjoni mmexxija mill-Gvern.