Internazzjonali

Libanu:  Tiżdied offensiva fuq il-Ħeżbollah li kompla jispara l-missili lejn Iżrael …Maqtul Kap ieħor tal-milizji Lebaniżi

Karozzi li kienu maqbuda fit-traffiku fil-waqt tal-isplużjoni

Il-qawwiet ta’ Iżrael qed ikabbru u jferrxu l-offensiva fuq il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu. Dan waqt li l-militar qed javvanza fl-artijiet Lebaniżi tal-Lbiċ wara li l-invażjoni tal-Libanu, qabel, ikkonċentrat fuq iz-zoni tal-Lvant li huma eqreb ta’ Iżrael.

Intant, il-Ħeżbollah irid juri li għad għandu l-kapaċitajiet għal reżistenza feroċi wara li l-Iżraeljani, fl-aħħar jiem, eliminawlhom lill-ogħla mexxejja fost l-attakki sistematiċi u preċiżi.

Fl-aħħar sigħat, il-milizji Xiti mill-ġdid sparaw il-missili lejn il-belt Iżraeljana ta’ Haifa li, nhar it-Tnejn, ukoll kienet sfat mira għal bumbardament għall-ewwel darba fi 18-il sena. Intant, jidher li l-parti kbira tal-missili kienu interċettati mid-difiżi tal-Iżraeljani.

Il-kelliema għall-Ħeżbollah qalu li miraw il-missili anki lejn iz-zona ta’ Krayot, fin-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael, u fejn mifhum li seħħew xi splużjonijiet.

Sadanittant, l-Iżraeljani qalu li dawn l-attakki mill-Ħeżbollah mhumiex se jnaqqsulhom mid-determinazzjoni li jeliminaw lil dan il-grupp ta’ militanti Xiti li jieħdu d-direttivi diretti mingħand l-Iran.

Fil-fatt, il-militar Iżraeljan ħareġ aktar twissijiet liċ-ċivili Lebaniżi biex ma jivvjaġġawx lanqas lejn in-Nofsinar ta’ pajjiżhom li wkoll jinsab inkwadrat ‘fl-espansjoni tal-invażjoni tal-Libanu.

Dan ifisser li aktar eluf ta’ Lebaniżi ma jistgħux jirritornaw lura d-dar minħabba ċ-ċirkustanzi u meta mal-1.2 miljuni spiċċaw kostretti li jgħixu bħal refuġjati f’pajjiżhom stess mindu l-Iżraeljani intensifikaw l-attakki mill-ajru fuq iċ-ċentri tal-kmand tal-Ħeżbollah.

Fi żviluppi oħra, il-qawwiet tal-ajru tal-Iżraeljani mill-ġdid attakkaw is-subborg ta’ Dahieh, f’Bejrut, il-kapitali Lebaniża u li hu indikat bħala fortizza ewlenija tal-milizji Xiti. F’dan is-subborg jgħixu wkoll numru sinifikanti ta’ familji li batew il-konsegwenzi tal-aħħar rejds konsistenti tal-Iżraeljani fuq l-inħawi. 

U waqt li l-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani, matul il-lejl tat-Tnejn, żiedu l-attakki fuq Bejrut, sar magħruf li nqatel Kmandant ieħor tal-Ħeżbollah…Azzjoni li kompliet iżżid mal-lista tal-Kapijiet militanti maqtula waqt l-aħħar ġranet.

Il-kmandant inkwistjoni kien identifikat bħala Suhail Hussein Husseini li kien responsabbli mid-doveri ta’  loġistika, il-baġit u l-amministrazzjoni tal-grupp Ħeżbollah, Fl-istess ħin, Husseini kellu responsabbiltà biex jittrasferixxi l-armamenti avvanzati mogħtija lill-Ħeżbollah mingħand l-Iran lid-diversi taqsimiet tal-milizji Lebaniżi. Mifhum ukoll li dan il-Kmandant kellu anki rwol elieni fil-kunsill militari tal-Ħeżbollah.