Każ ta’ vjolenza domestika li nbeda wara argument bejn koppja f’karozza, fejn allegatament raġel ta’ 48 sena li joqgħod Santa Venera ġie mixli li hedded lis-sieħba tiegħu. Skont l-allegata vittma, ir-raġel heddidha li kien se “jaqtgħalha rasha, iqattagħha biċċiet u wara jitfagħha f’bagalja”.
Fil-Qorti ngħad kif wara li rikbet f’karozza mal-akkużat u waqfu f’pompa tal-petrol, l-argument tant skala li l-mara sejħet għall-għajnuna. Kif ra d-dawl tal-vettura tal-Pulizija, ir-raġel ħarab minn fuq il-post bil-vittma titħalla fil-karozza fejn hi qalet li qalgħet xi daqqiet f’rasha.
Ir-raġel li ismu mhux jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-vittma, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Id-difiża talbet għal-libertà provviżorja li kienet milqugħa taħt diversi kunduzzjonijiet, fosthom li jħallas depozitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €3,000. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
//= $special ?>