“Irridu nsaħħu jdejn il-poplu favur tmexxija tajba u kontra l-korruzzjoni”.
Kien dan kliem tal-Membru Parlamentari Ewropej Peter Agius fl-ewwel diskors tiegħu bħala MEP waqt il-plenarja, fi Strasburgu, it-Tnejn filgħaxija.
L-MEP Nazzjonalista Peter Agius tkellem dwar kif f’Malta, il-korruzzjoni qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia iżda għad hawn min mingħalih jista’ jitfi l-vuċijiet ta’ min jisfida.
Huwa tenna li l-qtil tagħha kien wieħed biex tinħeba l-verità, u minkejja dan l-assassinju li ħasad lil bosta, il-Gvern baqa’ jaħdem kif kien. Bl-MEP Agius ifakkar li saret Inkjesta Pubblika li sejħet għal bidliet radikali iżda l-Gvern ħalliha fuq l-ixkaffa.
Intant, huwa appella sabiex inkomplu fuq ix-xogħol li għamlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u għalhekk appella sabiex lil dawk l-NGO’s u ġurnalisti, fost l-oħrajn, li jaffrontaw il-poter, insaħħulhom idejhom.
Din is-sejħa saret waqt dibattitu fuq riżoluzzjoni dwar l-importanza tax-xandir pubbliku tajjeb, il-plulariżmu fil-mijia u l-ġurnaliżmu indipendenti kontra l-fake news, il-popoliżmu u d-diżinformazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
Peter Agius qal li l-Parlament Ewropew se jagħti l-għodda b’liġijiet bħall-Media Freedom Act u l-Ligi Ewropea kontra l-Korruzzjoni. Huwa sejjaħ il-Kummissjoni Ewropea biex tuża l-għodda u ċċaqlaq il-gvernijiet, inkluż dak f’Malta.
//= $special ?>