L-eks gowlkiper f’Malta ta’ Birkirkara F.C. u Valletta Football Club rispettivament, Alessandro Guarnone jinsab f’qagħda kritika fl-isptar ta’ Voghera, wara li nhar il-Ħadd li għadda, partita tas-Serie D, hu kien involut f’inċident sfortunat ma’ plejer avversarju.
Rapporti fil-midja Taljana qalu li Guarnone, gowlkiper ta’ AVC Vogheres, kellu impatt b’saħħtu ma’ plejer ta’ Vado, fil-21 minuta tat-tieni taqsima, bir-referee kien pront li jwaqqaf il-logħba tant kemm l-impatt bejn iż-żewġ plejers deher mal-ewwel wieħed gravi.
Jidher li l-kundizzjoni ta’ Guarnone mill-ewwel dehret waħda serja, tant li ssejħet ambulanza fuq il-post mal-ewwel u li ħadet lill-gowlkiper Eks Milan, fl-eqreb sptar.
Guarnone kien operat mill-ewwel, f’intervent li dam madwar tliet sigħat u li skont dak li kien rappurtat, l-operazzjoni kienet tinvolvi t-tneħħija tal-milsa u angioplasty tal-arterja adrenali, kompromessa minħabba t-trawma li sofra l-gowlkiper ta’ 25 sena.
Skont l-aħħar aħbarijiet, Guarnone għadu f’qagħda kritika, u jinsab fil-Kura Intensiva f’riskju li jitlef ħajtu.
F’dan il-mument diffiċli għal Guarnone, li sal-istaġun li għadda ken qed jilgħab f’Malta ma’ Valletta, wieħed jawgura fejqan ta’ malajr lill-gowlkiper Taljan, u ma ndumux ma nisimgħu aħbarijiet sbieħ dwar il-kundizzjoni ta’ saħħtu.
//= $special ?>