Fl-aħħar sigħat il-kundizzjoni tal-gowlkiper Taljan, Alessandro Guarnone qalbet għall-aħjar u msitenni jibqa’ rikoverat fl-isptar ta’ Voghera għal aktar jiem ta’ konvalexxenza. Guarnone ma jinsabx fil-periklu tal-mewt u m’għadux aktar fil-kura internsiva.
L-eks gowlkiper ta’ Birkirkara F.C. u Valletta Football Club rispettivament, iddaħħal l-isptar b’urġenza wara li f’nofs it-tieni taqsima, tal-partita li ntlagħbet nhar il-Ħadd li għadda mis-Serie D fl-Italja, bejn it-tim li jilgħab miegħu Guarnone, AVC Vogheres u Vado, il-gowlkiper ta’ 25 sena kien involut f’inċident sfortunat ma’ plejer avversarju, li mal-ewwel deher li kien wieħed serju.
L-inċident kien wieħed sfortunat, fejn Vado kellhom free-kick, b’Guarnone ħareġ biex itajjar bil-pront, iżda kien hawn hekk fejn l-eks gowlkiper ta’ Milan soffra daħla mhux intenzzjonata minn plejer avversarju li ħalliet lil Guarnone mal-art.
Replay tkellem ma’ persuni li kienu preżenti fl-Istadium, fil-mument li seħħ dan l-inċident, u li kollha qalulna li x-xena ta’ Guarnone mal-art, wara l-impatt mal-plejer avversarju, nisslet emozzjoni u sentiment ta’ biża’ kbira.
Minuti wara l-inċident, Guarnone ttieħed fl-eqreb sptar, fejn għall-ewwel kien fil-kura intensiva, sakemm ġie operat f’intervent mediku li ħa mat-tliet sigħat, f’operazzjoni li kienet tinvolvi t-tneħħija tal-milsa u angioplasty tal-arterja adrenali, kompromessa minħabba t-trawma li sofra Guarnone.
L-intervent mediku li sar fuq il-gowlkiper Taljan irnexxa, iżda Guarnone se jkollu bżonn jiem ta’ mistrieħ, li possibbilment jafu jżommuh l-isptar għal madwar 15-il ġurnata.
//= $special ?>