Hekk kif il-Parlament Ewropew qed jipprepara biex jistaqsi l-mistoqsijiet lill-Kummissarji-designati x-xahar id-dieħel, il-Memmru Parlamentari Ewropej David Casa ltaqa’ mal-Kummissarju-designat għas-Saltna tad-Dritt u għamel l-appoġġ tiegħu dipendenti fuq impenn serju lejn is-saltna tad-dritt f’Malta.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonali tal-PN laqa’ lil Michael McGrath (Fianna Fáil/Renew), il-Kummissarju Irlandiż-designat għad-Demokrazija, il-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, illum.
Hu ħeġġeġ lil McGrath biex juri li huwa “lest li jieħu azzjoni fid-dawl tas-serjetà tal-kriżi tas-saltna tad-dritt” u biex jikkonferma impenn għal azzjoni konkreta biex jindirizza l-preokkupazzjonijiet urġenti ta’ tant ċittadini f’Malta u l-Unjoni Ewropea.
“Il-Kummissjoni trid tieħu azzjoni konkreta fuq is-saltna tad-dritt f’Malta. Il-Partit Laburista fil-poter gawda mill-benefiċċju tad-dubju u qatta’ biżżejjed ħin b’plattitudnijiet ineffettivi.”
Casa rrefera għall-implimentazzjoni staġnata tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-falliment istituzzjonali biex il-korruzzjoni fuq livell għoli tiġi mħarrka effettivament, u l-ħakma tal-korpi statali bħal dak tax-xandar pubbliku.
Casa u l-Kummissarju-designat iddiskutew l-aħħar skandli, u kif diversi skemi korrotti juru livell bla preċedent ta’ ħakma istituzzjonali biex japprofittaw il-ftit minn fuq dahar iċ-ċittadini Maltin.
Waqt li rrefera għall-proċeduri ġudizzjarji kontra Joseph Muscat u l-kompliċi allegati tiegħu, Casa stqarr li “t-tmiem għall-impunità li ngħataw s’issa huwa l-veru indikatur ta’ jekk is-saltna tad-dritt tiffunzjonax f’Malta.”
Huwa talab lill-Kummissarju-designat biex isegwi mill-qrib dawn il-proċeduri. F’kummenti wara l-laqgħa, Casa żied jgħid li “l-attakki din is-sena fuq il-ġudikatura, il-midja u s-soċjetà ċivili huma rikaduta serja li xxejjen kull rieda tajba li gawdew minnha s’issa l-awtoritajiet Maltin.
“Is-sitwazzjoni m’għandhiex tkompli tiddeterjora aktar.”
//= $special ?>