John Tabone Shield Irġiel
Colin Schembri
Sigma Depiro 86
Valletta Lions 84
(20-25)(24-22)(27-15)(15-22)
Din kienet l-aktar partita missielta mit-tliet partiti li fetħu l-John Tabone Shield għal dan l-istaġun. Depiro ppreżentaw l-istess formazzjoni ta’ ġimgħa ilu, però Valletta kienu tim kompletament mibdul mill-istaġun li għadda. Huma kellhom diversi players ġodda bħal Nicholas Grech, Francesco Mifsud Bonnici, Piotr Stelmach, Andre Attard, Darrell Schembri, Jonathan Camilleri u Nikola Vasovic. Huma ppreżentaw ukoll żewġ players Amerikani ġodda, Lorenzo Anderson u Eric Terry.
Il-vantaġġ inbidel seba’ darbiet bit-tim ta’ Depiro jiftħu vantaġġ massimu ta’ 12-il punt fit-tielet sessjoni. Kienu Valletta li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 7-2 wara punti minn Anderson u trippla ta’ Stelmach. Depiro għamlu l-iskor indaqs wara 5 punti ta’ Barrs, però hawn Valletta wieġbu b’run ta’ 10-3 bi trippli jkomplu ġejjin fuq iż-żewġ naħat. Valletta fetħu vantaġġ ta’ 8 punti qabel ma Depiro kellhom trippla minn Miguel Brincat. It-taqsima għalqet b’ Valletta fuq quddiem 25-20 wara trippla ta’ Anderson.
Fit-tieni sessjoni Depiro qalbu l-iskor b’run ta’ 15-2 fosthom trippla ta’ Brincat u punti minn David Bugeja u Sean Galea biex marru 5 minn fuq għal 35-30. Valletta irkupraw b’seba’ punti mingħajr risposta u wara punti minn Bozovic u Barrs għal Depiro, għamlu żewġ trippli oħra minn Grech u Stelmach biex daħlu jistrieħu 47-44 minn fuq.
Wara l-intervall, Depiro reġgħu bdew tajjeb u għamlu break ta’ 11-2 bi trippla ta’ Dominic Tomasi. Wara li Valletta kellhom il-punti ta’ Anderson, Depiro komplew fost l-oħrajn b’sensiela ta’ trippli li rathom jiftħu vantaġġ massimu ta’ 12-il punt 68-56. Valletta ma ċedewx u kellhom il-punti ta’ Anderson u Stelmach biex is-sessjoni ntemmet b’Depiro fuq quddiem 71-62.
Fl-aħħar sessjoni, Valletta fetħu bl-ewwel ħames punti qabel ma Tomasi għamel it-tielet trippla tiegħu. Valletta waslu sa 4 punti ‘l bogħod fir-raba’ minuta 76-72, b’Depiro jirkupraw bi trippla ta’ Cameron Cornelius. Valletta għamlu sforz ieħor u punti minn Vasovic u Mifsud Bonnici wassluhom sa punt taħt l-avversarji, 83-84, b’minuta u 20 sekonda mit-tmiem. Iż-żewġ coaches għajtu time-out kull wieħed qabel ma Bugeja għamel il-basket tar-rebħa għaliex Valletta ma rnexxilhomx jirkupraw u Depiro ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun fuq skor ta’ 86-84.
Sigma Depiro: C. Barrs 22, S. Galea 4. D. Bugeja 6, N. Bozovic 11, N. Zivkovic, L. Stefanovic 3, A. Trapani, D. Tomasi 13, S. Kenely, M. Brincat 13, C. Cornelius 9, M. Debattista.
Valletta Lions: N. Grech 6, L. Anderson 26, F.Mifsud Bonnici 5, N. Da Silva, A. Attard, P. Stelmach 14, A. Attard, D. Schembri, J. Camilleri, N. Vasovic 10, M. Farrugia, E. Terry 23.
Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi, Miguel De Flavia.
Tigers 74
Starlites JSD 113
(11-36)(29-32)(19-21)(15-24)
Starlites JSD kisbu rebħa konvinċenti ta’ 113-74 kontra Tigers fl-ewwel partita tagħhom fil-John Tabone Shield wara s-suċċess fis-Super Cup tal-ġimgħa li għaddiet.
Il-logħba bdiet b’sensiela ta’ punti bikrija minn Starlites speċjalment lejn tmiem l-ewwel sessjoni u ma ħallewx lit-Tigers jirkupraw. Però, il-wirja ta’ Tigers kienet aħjar minn dik ta’ tlett ijiem qabel u l-Amerikan Matthew Brown u Ferdinand Lisondra bejniethom qasmu total ta’ 59 punt. Starlites kienu mingħajr Andrew Aquilina u Kurt Xuereb, u l-coach Paul Ferrante inkluda lil Kai Fabri u Sean Aquilina.
Il-logħba fetħet b’punti minn Brown għal Tigers, iżda Starlites ħadu l-inizjattiva b’serje ta’ fast breaks fejn huma kellhom il-punti ta’ Benjamin Curran u Miguel Fabri. Huma kellhom ukoll it-trippli minn Louie Farrugia u Joe Davis fost l-oħrajn biex sat-tmiem tal-ewwel taqsima, Starlites kienu fuq quddiem 36-11.
Fit-tieni taqsima, Tigers urew aktar reżistenza, b’Lisondra li mexxa l-attakk tagħhom fimkien ma’ Brown fejn kisbu 23 punt b’Lisondra jagħmel tliet trippli. Starlites ukoll komplew jippersistu b’punti ta’ Kolten Mortensen u Davis fejn għamlu run ta’ 11-0. Sat-tmiem it-taqsima kien hemm punti fuq kull naħa biex Starlites kienu fuq quddiem 68-40.
Wara l-intervall, kienu Tigers li ħarġu l-aħjar fejn għamlu run ta’ 9-0 bi trippla oħra ta’ Lisondra. Starlites waqqfuhom b’basket ta’ Davis, u wara trippla fuq kull naħa minn Keith Micaller u Sean Aquilina, Starlites għamlu run oħra ta’ 10-2 biex sa tmiem it-taqsima reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 30 punt 89-59.
Fl-aħħar sessjoni kien hemm run oħra ta’ 10-2 minn Starlites b’baskets minn Fabri u Riolo. Huma għaqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Davies. Kien għad fadal ħin għal aktar trippli fuq iż-żewġ naħat biex Starlites ħarġu rebbieħa 113-74.
Tigers: E. Masilungan 2, M. Brown 30, K. Micaller 8, M. Jalkh 3, D. Massa, F. Lisondra 29, S. Saakian, D. Militello 2.
Starlites JSD: B. Curran 13, J. Davies 23, K. Fabri 4, S. Aquilina 5, I. Felice Pace 5, M. Fabri 12, L. Riolo 8, M. Scerri 8, L. Farrugia 5, N. Sultana, K. Mortensen 19, T. Reddish 11.
Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Gianfranco Russo.
Athleta AtoZ 85
Luxol Sherries Estates 107
(15-36)(26-17)(25-26)(19-28)
L-aħħar partita tal-ewwel ġurnata tal-John Tabone Shield rat lil Luxol Sherries Estates joħorġu rebbieħa fuq Athleta AtoZ 107-85.
Hawn ukoll kien hawn tibdil fuq iż-żewġ naħat fejn Athleta ppreżentaw skwadra żagħżugħa bi players ġodda bħal Gabriel Cassar u Mirco Azzopardi u żewġ Amerikani ġodda Caleb Matthews u Kurt James kif ukoll lill-coach Sandro Farrugia. Athleta akkwistaw ukoll lil Robert Bonnici u Isaac Bonett però t-tnejn li huma kienu biss spettaturi fuq il-bank minħabba injury. Luxol ukoll b’żewġ Amerikani ġodda Darren Howard u Caleb Jones McCrary hekk kif l-akkwisti l-ġodda Vukassin Jandric u Nenad Bukva kienu neqsin.
Fl-ewwel minuti tal-partita kien hemm bilanċ fejn Athleta kellhom trippla minn Azzopardi. Luxol wieġbu b’żewġ runs ta’ 10-3 b’żewġ trippli ta’ Jean Paul Schembri u oħra ta’ 14-0 fejn kellhom it-three pointers minn Schembri u McCrary. Athleta sabu diffikultà fl-attakk u għalkemm kellhom trippla minn Matthews, Luxol temmew l-ewwel sessjoni 36-15 minn fuq.
Fit-tieni perjodu Luxol komplew iżidu l-vantaġġ speċjalment mill-fast breaks u marru 47-22 minn fuq b’punti minn Howard u Nathan Xuereb fost l-oħrajn. Hawn Athleta rnexxielhom jirkupraw xi ftit meta għamlu run ta’ 12-0 bill-punti ta’ James u Cassar. It-taqsima għalqet b’sitt punti fuq kull naħa biex Luxol daħlu jistrieħu 53-41 minn fuq.
Wara l-intervall, Luxol fetħu b’seba’ punti mingħajr risposta bi trippla oħra ta’ Schembri. Athleta wkoll kellhom trippla minn Cassar, però Luxol komplew jikkontrollaw il-vantaġġ wara sensiela ta’ punti minn McCrary. Athleta għalqu s-sessjoni bi break ta’ 11-2 b’żewġ trippli minn Juan Cefai u Isaac Xuereb biex Luxol żammew vantaġġ ta’ 13-il punt 79-66.
Luxol reġgħu fetħu l-aħħar sessjoni b’seba’ punti qabel ma Matthews wieġeb għall-Athleta. Luxol għaqqdu l-mitt punt bi trippla ta’ Howard segwita b’oħra minn Xuereb u huma baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 107-85.
Athleta AtoZ: C. Matthews 21, K. James 29, B. Zammit, I. Xuereb 5, L. Borg 2, E. Abela 4, A. Bozanic 2, M. Farrugia, A. Garzia, J. Cefai 9, G. Cassar 10, M. Azzopardi 3.
Luxol Sherries Estates: D. Howard 23, E. Caruana Montaldo, A. Azzopardi, I. Azzopardi 6, JP Schembri 20, N. Xuereb 14, P. Engelbert, C. McCrary 26, M. Matijevic 6, S. Cappello 12.
Referees: Bernard Vassallo, Fanni Fabok, Zvezdan Dobrosaviljevic.
Kampjonat Bank of Valletta: Irġiel
Rebħa faċli għal Hibs fl-ewwel partita
Hibernians 123
Tigers 43
(37-6)(20-6)(32-18)(34-13)
Saret ukoll partita mill-kampjonat Bank of Valletta bejn Hibernians u Tigers li rriżultat f’rebħa faċli għal Hibs 123-43.
Hibs ippreżentaw lil coach Christian Narciso li niftakruh fuq il-bank ta’ Mellieħa żewġ staġuni ilu flimkien mal-Amerikani Tederick Wolfe, ukoll Eks Mellieħa, u Derek Brown. Huma kellhom lura fl-iskwadra lil Neil Cassar kif ukoll l-akkwisti il-ġodda Matthew Gouder u Miguel Mallia. Tigers kellhom skwadra ridotta hekk kif iż-żewġ players tagħhom mil-Libanu Serge Hamparsoumian and Michel Jalkh sfortunatament ma waslux fil-ħin. Dan flimkien ma’ diversi players Filippini li kienu parti minn timijiet oħra fl-istaġun li għadda.
Hibs għamlu xejn anqas minn 66 punt minn fast-breaks li juri d-dominju li kellom fil-partita. Wara l-ewwel sitt punti ta’ Hibs kollha minn Wolfe, wasal l-ewwel basket ta’ Tigers minn Micaller. Hawn Hibs għamlu run ta’ 24-0 fosthom trippli minn Gouder u Matthew Attard u l-ewwel punti ta’ Brown. Micaller reġa’ waqqafhom iżda Hibs għamlu iktar punti għal skor ta’ 37-6.
Hibs naqqsu xi ftit ir-ritmu fit-tieni perjodu għalkemm sabu ħin għal run oħra ta’ 9-0 bi trippla ta’ Mallia. Wara punti minn Militello u Lisondra għal Tigers, Hibs għalqu b’run ta’ 9-1 u daħlu jistrieħu 57-12 minn fuq.
Fil-bidu tat-tielet sessjoni, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin għal xi ħin, però Hibs komplew b’runs qosra ta’ 8-2 u 7-2 bit-Tigers iwieġbu bi trippla tal-Amerikan Matthew Brown. Hawn Hibs għamlu run oħra ta’ 13-0 biex temmew il-perjodu 89-30 minn fuq.
L-aħħar sessjoni kienet biss formalità u serviet biss biex kull player ta’ Hibs niżżel ismu fost l-iskorers u huma għaqqdu l-mitt punt fit-tielet minuta b’basket ta’ M. Attard. Hibs għalqu l-partita bi break ieħor ta’ 11-0 biex ħarġu rebbieħa 123-43.
Hiberians: N. Cassar 8, T. Wolfe 21, D. Brown 24. P. Attard 7, L. Attard 2, V. Kustudija 4, A. Axiaq 5, M. Gouder 11, M. Attard 17, M. Mallia 4, I. Demcesen 12, S. Simic 8.
Tigers: E. Masilungan, M. Brown 12, K. Micaller 11, D. Costantino 6, D. Massa 4, F. Lisondra 4, S. Saakian 4, D. Militello 2.
Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Zvezdan Dobrosaviljevic.
//= $special ?>