Il-Qorti qalet li d-drittijiet fundamentali ta’ Brian Tonna ġew miksura minn deċiżjoni tal-Ispeaker tal-Kamra u l-linji gwida tax-xhieda tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet. L-Imħallef Giovanni Grixi, li jippresiedi l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, ta sentenza fil-kawża kostituzzjonali mressqa minn Tonna, l-eks sid tad-ditta Nexia BT, fuq ruling li kien ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia f’Mejju 2021 waqt li kien qed isir ‘grilling’ fuq Tonna, fuq il-ftehim tal-Electrogas.
Tonna kien ġie msejjaħ biex jidher quddiem il-PAC waqt diskussjonijiet dwar ir-riżultati ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika tal-2018 dwar l-għoti tat-tender tal-power station lill-Electrogas. Inizjalment, hu kien invoka d-dritt tiegħu li jibqa’ sieket, iżda dan id-dritt kien espressament eskluż mill-konfront tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Kamra tad-Deputati.
Dwar dan, kien intalab ruling mill-Ispeaker tal-Kamra. Fid-19 ta’ April, 2021, l-Ispeaker kien iddeċieda li xhud imsejjaħ biex jixhed quddiem il-PAC, irid iwieġeb mistoqsijiet jekk ma jkunx is-suġġett ta’ proċeduri kriminali relatati, iżda ma jistax jiġi sfurzat li potenzjalment jinkrimina lilu nnifsu.
Iktar tard l-Iskrivan tal-Kamra kien kiteb lil Tonna, fejn infurmah li d-deċiżjoni tal-Ispeaker kienet ċara u ma tħallihx jinvoka d-dritt tas-silenzju. L-avukati ta’ Tonna kienu argumentaw li d-dritt tiegħu għas-silenzju mhux qed jiġi rrispettat u li l-PAC u r-ruling tal-Ispeaker kisru d-dritt tiegħu għal smiegħ ġust.
Ġie argumentat ukoll li, minħabba li n-nuqqas ta’ osservanza tal-linji gwida tal-PAC għax-xhieda billi jirrifjutaw li jwieġbu għall-mistoqsijiet kien punibbli bi priġunerija sa sitt xhur, huwa kien ukoll sofra ksur potenzjali tad-dritt tiegħu għal-libertà personali.
Meta ppreżenta l-każ, Tonna kien talab lill-Qorti biex tiddikjara s-sentenza tal-Ispeaker u l-linji gwida tal-PAC għax-xhieda bi ksur tal-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u tordna t-tneħħija tax-xhieda u d-dokumentazzjoni kollha li kien ta lill-PAC.
Fis-sentenza li ngħatat tard nhar nhar it-Tlieta, l-Imħallef Grixti osserva li d-dritt tas-silenzju kien maħsub biex jipproteġi d-dritt fundamentali li ma jinkriminax lilu nnifsu. F’xenarju fejn persuna tinsab fiċ-ċentru ta’ allegazzjonijiet bħal dawk fil-konfront ta’ Tonna, dak id-dritt ħa importanza akbar, “mhux biss għax kien diġà akkużat, iżda wkoll għax kien diġà għen u kien għadu jassisti fil-proċedimenti.
“Għalhekk, id-deċiżjoni u l-linji gwida meta jitkellmu dwar proċedimenti kriminali, jew aħjar akkużi pendenti, jonqsu milli jipproteġu d-dritt għal smiegħ ġust.”
L-imħallef iddikjara li l-Gwida għax-Xhieda li dehru quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Kamra tad-Deputati kisret id-dritt ta’ Tonna għal smiegħ ġust, kif protett mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta, sa fejn obbligawh li jwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-PAC, li jistgħu jippreġudikaw il-pożizzjoni tiegħu fi proċeduri oħra.
Ir-ruling kienet kisret ukoll id-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq għall-istess raġuni, qalet il-Qorti, hekk kif ordnat it-tneħħija tax-xhieda ta’ Tonna u l-evidenza dokumentata li kien ressaq. Ma ngħataw l-ebda danni, iżda l-Qorti tinnota li “ma rat l-ebda raġuni għalih li jingħata xi kumpens mhux pekunjarju jew jagħti direttivi oħra”, u ordnat li l-ispejjeż tal-kawża jitħallsu miż-żewġ partijiet bl-istess mod.
//= $special ?>