Lokali

“Il-Gvern jeskludi lill-istakeholders minn Xjenza Malta” – PN

Il-Parlament illum se jiddibatti mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar it-twaqqif ta’ Xjenza Malta – l-aġenzija ġdida tar-riċerka, ix-xjenza u l-innovazzjoni.

Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Ryan Callus u Claudette Buttigieg spjegaw li l-Oppożizzjoni temmen li organu fi ħdan l-aġenzija Xjenza Malta, il-Kumitat Konsultattiv, għandu jkun kompost minn rappreżentanza wiesgħa tal-istakeholders involuti fis-settur tar-riċerka, ix-xjenza u l-innovazzjoni, u l-programmi finanzjarji.

Għal dan il-għan, l-Oppożizzjoni qed tipproponi li rappreżentanti mis-settur edukattiv (l-Università ta’ Malta u l-MCAST), rappreżentant mill-industrija nnominat mill-Kamra tal-Kummerċ, u rappreżentant mis-settur tal-għaqdiet volontarji li joperaw fis-settur tax-xjenza u r-riċerka, għandhom ikunu fuq il-Kumitat Konsultattiv. Dan b’differenza għal dak li jrid jagħmel il-Gvern b’dan l-avviż legali, li jinnomina hu l-membri kollha tal-Kumitat Konsultattiv.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fis-sehem sħiħ tal-istakeholders bil-fatti, mhux bil-paroli. F’mument fejn pajjiżna jinsab qabel tal-aħħar fil-klassifika Ewropea għall-kontribut finanzjarju fl-ekonomija Maltija għar-riċerka, jeħtieġ insaħħu l-isforzi flimkien u nużaw it-talenti tal-esperti, u mhux kulħadd jaħdem għal rasu.

Fid-dibattitu tal-lum, l-Oppożizzjoni se tappella lill-Gvern biex jilqa’ din il-bidla fl-avviż legali għall-ġid tar-riċerka, li f’pajjiżna tinħtieġ is-sostenn veru ta’ gvern li ġenwinament jemmen li pajjiżna jista’ jkollu ekonomija ta’ kwalità għolja bbażata fuq l-innovazzjoni u r-riċerka bħall-kumplament tal-pajjiżi Ewropej.