Sport

Il-holder Dejan Grech javvanza mal-aħħar erbgħa wara rebħa tajba

Dejan Grech baqa’ fit-taqtiegħa sabiex jiddefendi t-titlu taċ-Champion ta’ Malta tal-Blackball meta fil-kwarti tal-finali għeleb lil Miguel Mizzi 8-4.

Grech stabbilixxa vantaġġ ta’ 3-0 iżda f’ħin minnhom Mizzi rnexxielu jġib l-iskor indaqs u saħansitra jmur minn fuq għal 4-3. Minkejja kollox, Grech irpilja u rebaħ frame wara l-ieħor sakemm għamel l-iskor finali 8-4.

Iċ-champion ta’ sentejn ilu, Clayton Castaldi, kien eliminat minn din il-kompetizzjoni wara li tilef 8-4 kontra Leon Azzopardi. Dan tal-aħħar beda tajjeb u kien fil-vantaġġ għalkemm f’mument minnhom Castaldi kien qed jirbaħ 4-3. Madankollu, Azzopardi kien determinat li jmur mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni sabiex rebaħ 8-4.

Mevrick Zammit għeleb lil Ryan Pisani 8-4. Zammit dejjem kien minn fuq iżda Pisani qatt ma ċeda għalkemm fl-aħħar mill-aħħar ftit seta’ jagħmel kontra l-forma tal-avversarju tiegħu.

Johan Attard għaqqad il-grupp ta’ semifinalisti b’rebaħ tajba ta’ 8-2 kontra Lydan Debono. Attard stabbilixxa vantaġġ inizjali ta’ 5-0 sakemm Debono naqqas il-marġni tal-iskor. Minkejja kollox, il-plejer ta’ Cospicua Rangers baqa’ jżomm il-konsistenza tul il-logħba kollha sabiex rebaħ 8-2.

Issa, jintlagħbu s-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni prestiġjuża fejn Leon Azzopardi jaffaċċja lil Mevrick Zammit filwaqt li Johan Attard jilgħab kontra Dejan Grech. Il-logħbiet se jintlagħbu fil-Fuego Speakeasy Arena f’Birkirkara, u jibdew fis-7.00pm.