Il-Kunsill Lokali tal-Imsida ħa pożizjoni kontra l-bini tal-flyover fiċ-ċentru tar-raħal.
B’ħames voti kontra erbgħa, il-Kunsill Lokali għadda mozzjoni mressqa mis-Sindku Charles Selvaggi biex il-flyover proposta mill-Gvern ma ssirx.
Waqt il-laqgħa tat-Tlieta filgħaxija, il-membri kollha tal-Kunsill esprimew il-qbil tagħhom mal-kumplament tal-proġett. Madankollu il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista insistew li kienu kontra l-bini tal-flyover għax din mhix fl-interess tal-Misidjani.
Il-Kunsillieri tal-Partit Laburista esprimew ruħhom favur il-bini tal-flyover u vvutaw kontra l-mozzjoni.
Il-kunsillieri tal-PN spjegaw kif l-Imsida jkun l-uniku raħal f’Malta li jkollu flyover għaddejja proprju miċ-ċentru tiegħu jekk din tinbena u li din se tkompli tifga lil din iz-zona. Dan żgur li mhuwiex fl-interess tar-residenti Misidjani, li mhu se jiggwadanjaw xejn bil-bini ta’ din il-flyover.
Għall-kuntrarju, din il-flyover skont l-istess Infrastruttura Malta, se tidderieġi aktar traffiku lejn iċ-ċentru tar-raħal.
Dan apparti li skont Infrastruttura Malta stess, wara li titlesta l-flyover li mistennija tieħu tal-anqas sentejn b’kollox, imbagħad irid jiġi indirizzat il-bottleneck ħdejn l-iskate park, li jkun ifisser proġett ieħor ftit metri ‘l bogħod.
Il-Kunsill mistenni jibgħat din il-mozzjoni lil Infrastruttura Malta u lill-Ministru kkonċernat fost l-oħrajn.
//= $special ?>