Lokali Saħħa

Il-lista tal-out of stock qed tkompli tiżdied fl-Isptar Mater Dei

“Aħna qed nitolbu dak li huwa dritt tagħna”.

Kienet din id-dikjarazzjoni li għamlet magħna persuna li missierha jagħmel dialysis id-dar. Dan wara li mill-ispiżerija ta’ Mater Dei qalulha li l-wipes li tant għandha bżonn sabiex jingħata t-trattament huma out of stock.

Inkwetata, hi spjegat li f’każ li l-affarijiet li tuża għad-dialysis ma jiġux imnaddfa kif suppost, jiżdied iċ-ċans li missierha jaqbdu infezzjoni perikoluża. Huwa għalhekk li tenniet li dawn il-wipes huma dritt ta’ missierha – pazjent li jagħmel dialysis darbtejn kuljum, biex ikun jista’ jgħix il-ħajja li tixraqlu.

Intant, hija appellat lill-Gvern sabiex is-settur tas-saħħa ma jibqax għarkupptejh u insistiet li l-pazjenti ħaqqhom l-aħjar kura possibbli sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti u li tixraqilhom.