Lokali

Il-Ministru Michael Falzon jgħid li l-inflazzjoni raħset

Skont il-Gvern, l-inflazzjoni raħset. Iżda l-NSO qed jgħid eżattament l-oppost. U n-nies fit-triq qed iħossu l-piż tal-prezzijiet.

Aktar kmieni din is-sena l-Gvern kien introduċa l-iskema Stabbiltà fejn 15-il tip ta’ prodott raw traħħis fil-prezz tagħhom; lista ta’ prodotti li sfortunatament ma kenitx tinkludi ikel jew oġġetti bażiċi – lista bla bajd, ħobż, frott u ħaxix frisk; mingħajr ikel għall-annimali domestiċi; lista bla prodotti tal-iġene u prodotti essenzjali oħrajn li familja ma tistax tgħaddi mingħajrhom.

Wara li ħarġet din l-iskema minima, bosta msieħba soċjali flimkien ukoll mal-Partit Nazzjonalista appellaw lil Robert Abela biex jestendi u jkabbar il-lista. U filwaqt li fuq l-istazzjon tas-Super One kien qal li din l-iskema kien se jsaħħaħha; ftit tal-jiem wara ddeċieda li din iwaqqafha.

L-argument tal-Labour hu li l-inflazzjoni naqset; madanakollu b’mod mill-aktar ironiku l-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika wrew li l-inflazzjoni għadha fuq l-istess livelli ta’ meta ġiet introdotta din l-iskema. U f’Awwissu reġgħet bdiet tgħolli rasha.

L-Erbgħa filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Michael Falzon jekk din l-iskema hux se titneħħa għax kien hemm roħs fil-prezzijiet. Bil-Ministru jwieġeb li l-inflazzjoni naqset.

Staqsejna lill-Ministru responsabbli mill-Familja jekk il-Gvern hux se jkun qiegħed jagħti widen lill-imsieħba soċjali u lill-Partit Nazzjonalista, u jelimina darba għal dejjem it-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-COLA… b’Falzon ifarfar kollox fuq il-Ministru Clyde Caruana.

Mistoqsi fuq it-tema tas-solitudni li kulma jmur f’pajjiżna, bħal bqija tad-dinja, qiegħda tiżdied – u jekk fil-Gżejjer Maltin din il-problema komplietx tiżdied minħabba l-mudell ekonomiku tal-Gvern – Michael Falzon iddefenda d-direzzjoni li tinsab fiha l-ekonomija.

Dan filwaqt li żied jgħid li ma jfissirx li l-mudell m’għandux jinbidel – iżda fl-istess waqt mistoqsi kif se jkun qiegħed jindirizza l-isfida tas-solitudni u kif jista’ jinbidel il-mudell ekonomiku biex inaqqas l-istress kontinwu li naffrontaw ta’ kuljum f’pajjiżna… minn xogħol għal traffiku u għoli tal-ħajja… il-Ministru baqa’ ma weġibx.