Ryan Callus, PN
Ix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Ryan Callus, qal fil-Parlament li l-pajjiż jeħtieġ jinqala’ mill-aħħar postijiet fir-riċerka u l-innovazzjoni u joħloq setturi ekonomiċi ġodda.
Ryan Callus qal li l-Oppożizzjoni tħoss li l-Aġenzija Xjenza Malta tista’ titjieb mill-format ta’ bħalissa f’dan il-mument kritiku għall-pajjiż meta hawn kunsens nazzjonali li l-mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwantità u mhux fuq il-kwalità ma jistax jippersisti. Dan flimkien mal-qbil li l-pajjiż għandu jkompli jikber ekonomikament proprju bil-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda li ma jirrikjedux żieda allarmanti fil-popolazzjoni. Dan iwassal biex ikun hemm inqas importazzjoni ta’ ħaddiema barranin u ħolqien ta’ ekonomija ta’ kwalità.
Ix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qal li skont il-Eurostat, fl-2022, fl-ispiża fir-riċerka u l-innovazzjoni, bħala persentaġġ tal-GDP, Malta tinsab ta’ qabel tal-aħħar fl-UE b’investiment minimu ta’ 0.6%. Hi r-Rumanija biss wara Malta f’dan ir-rigward. Fl-2012, Malta kienet qabel Ċipru f’dan l-investiment fir-riċerka. Jirriżulta li fl-allokazzjoni finanzjarja fis-settur, għal kull persuna, il-medja fl-UE hi €270 iżda Malta tinvesti biss €100 għal kull persuna.
Hu qal li ma jistax jifhem kif il-maġġoranza kbira tal-proġetti jingħataw marki għoljin iżda ma jingħatawx l-fondi għaliex ma jkunx hemm fondi biżżejjed. Id-deputat Nazzjonalista qal li ftit ilu l-Ministru tal-Finanzi ddikjara li l-Univeristà għandha tibda tiġġenera iktar fondi. Dan hu diskors inkwetanti għaliex juri li dawn il-fondi qed jitpoġġew f’dubju; aktar u aktar meta fl-Università ta’ Malta hemm potenzjal kbir.
Ryan Callus appella biex Xjenza Malta tkun iktar inklussiva u qal li l-Kumitat Konsultattiv li hu kompost minn sitt membri maħtura mill-ministru, għandu jinbidel. Il-PN qed jipproponi li l-gvern iċedi l-poter minn idejh u li jkun hemm bidla biex fil-Kumitta Konsultattiv jiddaħħlu fost l-oħrajn il-Pro-Rettur tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u uffiċjali mill-MCAST u mill-Kamra tal-Kummerċ.
Il-PN qed jipproponi wkoll li l-Kap Eżekuttiv tal-Kumitat Konsultattiv ikollu l-esperjenza neċessarja f’dan is-settur. L-intenzjoni tal-PN hu li l-pajjiż jinqala’ mis-sitwazzjoni diffiċli li jinsab fiha fir-riċerka u l-innovazzjoni, li hu pilastru fil-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda.
//= $special ?>