Lokali

Irridu li jiżdied il-ġid għall-Għawdxin f’Għawdex stess – PN

Il-Gozo Business Chamber ukoll imħassba dwar il-prijoritajiet ħżiena tal-Gvern

Irridu li mhux biss jiżdied il-ġid għall-Għawdxin f’Għawdex stess, iżda wkoll li l-ġid li jinħoloq jgħaddi lejn Malta wkoll.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta mexxa delegazzjoni tal-Partit f’laqgħa mal-Gozo Business Chamber bi tħejjija għall-Budget 2025.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandna naraw li Għawdex ikun qed jikber, bil-frott mis-siġra tal-ħidma li ssir jitgawda minn kulħadd. Qal li hu għalhekk li l-Budget għas-sena d-dieħla m’għandux ikun biss proċess suppost ta’ rfinar, iżda viżjoni li tħares ‘il quddiem.

Min-naħa tagħhom, il-kelliema tal-Gozo Business Chamber qalu li d-dokument li qed jippreżentaw jinkludi proposti bi pjan li jħares ‘il quddiem, hekk kif innutaw li l-gżira ta’ Għawdex marret għall-agħar, anke fejn tidħol il-governanza.

Filwaqt li staqsew x’inhi d-direzzjoni lejn fejn irridu nieħdu lil Għawdex, qalu li l-Gozo Business Chamber temmen li Għawdex għandu jitqies bħala kontributur għall-ekonomija tal-pajjiż.

Il-kelliema qalu li anke f’Għawdex hemm sfidi li għandhom bżonn ikunu indirizzati, fosthom fil-qasam soċjali u fl-infrastruttura, li qabel ma kinux jeżistu fuq il-gżira. Madankollu, quddiem dan kollu, iħossu li f’ċerti deċiżjonijiet, il-Gvern m’għandux ir-rieda politika meħtieġa, iżda biss prijoritajiet ħżiena.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Graham Bencini, Alex Borg, Ivan Castillo u Rebekah Borg.