Internazzjonali

Iżrael: Jinqatel ‘terrorista’ li ħalla diversi midruba f’Ħadera

Aggressur armat b’sikkina attakka lin-nies li nzerta quddiemu fil-belt ta’ Ħadera, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael, u bir-riżultat li talanqas sitta spiċċaw feruti.

Il-media Iżraeljana qalet li r-raġel – Palestinjan – kien riekeb scooter biex jivvjaġġa minn zona għall-oħra u fejn spiċċa jferi lin-nies f’erba’ lokalitajiet differenti. L-aggressur, aktar tard, spiċċa maqtul minn tiri li sparawlu l-pulizija.

L-awtoritajiet Iżraeljani qed jitrattaw il-każ bħala wieħed terroristiku, bl-aħħar rapporti jikkonfermaw li tnejn mill-midruba fl-attakk kienu fil-periklu tal-mewt.

Il-belt ta’ Ħadera tinsab xi 40 kilometru lejn it-Tramuntana ta’ Tel Avid u bis-sigurtà fl-inħawi tiżdied sew fl-aħħar sigħat.

Kollox, sadanittant, qed jindika li l-gwerer ta’ Gaza u l-Libanu qed jixprunaw aktar minn dawn l-attakki fl-ibliet ta’ Iżrael.

Fi tmiem il-ġimgħa, pulizija mara spiċċat maqtula waqt sparatura fil-belt ta’ Beersheba u fejn għaxra oħra spiċċaw feruti. Il-pulizija f’dik il-belt qed jissuspettaw li l-każ ukoll kien wieħed terroristiku u wara li, fl-Ewwel ta’ Ottubru, kienu metu seba’ persuni waqt attakk mit-terroristi tal-Ħamas fil-belt ta’ Tel Aviv.