Jeħtieġ mudell ekonomiku li jħares lejn il-ġid uman, li jimbotta l-interessi mhux tal-flus imma tal-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Dan intqal waqt konferenza organizzata l-Erbgħa filgħodu mill-Anti Poverty Forum fejn fost oħrajn, il-Professur Marie Briguglio saħqet dwar il-ħtieġa essenzjali li nassiguraw kwalità fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin b’mod partikolari fejn jidħol il-ħin liberu.
Hija spjegat li f’pajjiżna hemm bżonn ta’ bilanċ serju bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.
Briguglio saħqet li l-Gvern għandu jiffoka fuq l-interazzjoni soċjali, li jaħdem u jinvesti favur il-kuntentizza – dan fost l-oħrajn billi l-politiku jixtarr l-istrateġija.
Net News tkellem mal-Professur Marie Briguglio fejn staqsejniha dwar il-bilanċ bejn, il-ħtieġa tal-flus biex tgħajjex familja… u l-ħin liberu.
Hija tkellmet dwar il-mira li f’pajjiżna jiżdiedu l-pagi, u l-appell għal aktar investiment fis-saħħa mentali u saħħa fiżika – bħal pereżempju sussidju fuq il-ħxejjex u ikel san jew saħansitra inqas sigħat ta’ xogħol.
Hi spjegat kif partit fil-Gvern għandu jwarrab l-interessi partiġjani u jpoġġi fuq quddiem dawk tal-ġid u l-benesseri tal-familji.
Intant, Net News tkellem ukoll maċ-Chairperson tal-Anti Povery Forum, Noel Xerri, fejn ikkummenta dwar dak li analizzat din il-konferenza dwar jekk effettivament għandniex bżonn mudell ekonomiku ġdid.
Xerri saħaq li f’pajjiżna m’hawnx biss faqar materjali iżda anke dak soċjali.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ix-Shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo – bil-konferenza tikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid xhur u snin – li l-mudell ekonomiku m’għandux jisfrutta l-bniedem iżda jħares b’rispett lejn id-dinjità tiegħu waqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>