Lokali

L-anzjanità attiva fil-post tax-xogħol hi opportunità u vantaġġ għall-ekonomija Maltija – L-MEA

L-MEA ġabret rappreżentanti ewlenin mill-oqsma kollha għal diskussjoni multidixxiplinarja ffukata fuq Suq tax-Xogħol li jadatta għal popolazzjoni li qed tixjieħ


L-estensjoni tax-xogħol lil hinn mill-età tal-irtirar fuq bażi volontarja tipprovdi opportunitajiet ġodda fiċ-ċirkostanzi tas-suq tax-xogħol tal-lum. Aktar minn hekk, dan jipprovdi vantaġġ għall-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ pajjiżna, grazzi għall-esperjenza u l-kapaċitajiet li joffru dawn il-ħaddiema. Rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat għarfu l-potenzjal tal-ħaddiema ta’ età aktar avvanzata bħala opportunità biex pajjiżna jkollu suq tax-xogħol aktar reżiljenti u inklussiv, li minnu jibbenefikaw l-individwi, min iħaddem u s-soċjetà b’mod ġenerali.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ waqt Forum organizzat mill-Malta Employers Association bħala parti mill-attivitajiet li jwasslu għal SME Week, avveniment li ffoka fuq kif is-Suq tax-Xogħol jadatta għal popolazzjoni li qed tixjieħ.

Joanne Bondin, President tal-MEA, appellat biex isir ħsieb mill-ġdid dwar ir-rwol tal-anzjani fuq il-postijiet tax-xogħol: “Li nippromwovu li aktar persuni jibqgħu fl-impjieg tul il-ħajja mhix biss bżonn iżda vantaġġ strateġiku. Ħaddiema anzjani joffru sett differenti ta’ ħiliet, memorja istituzzjonali u jistgħu jiggwidaw ħaddiema iżgħar minnhom. Dan barra li nnaqqsu d-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin. Iż-żieda fl-età medja tal-ħaddiema mhix sfida li rridu negħlbu iżda opportunità li tista’ tippermettilna nibnu suq tax-xogħol aktar b’saħħtu u reżiljenti”, żiedet tgħid.

Kevin J Borg, Direttur Ġenerali tal-MEA, ippreżenta l-proposti riċenti ta’ din l-organizzazzjoni biex tinċentiva x-xogħol lil hinn mill-età tal-irtirar. Dawn jinkludu għażliet tax-xogħol flessibbli, bħal rwoli part-time, job sharing u telecommuting. Huwa enfasizza l-bżonn li jiġu indirizzati anomaliji fiskali biex ħaddiema anzjani jkunu aktar jaqbillhom li jibqgħu jaħdmu, kif ukoll il-bżonn ta’ aktar investiment fit-tagħlim tul il-ħajja, rikonoxximent ta’ tagħlim informali u dak mhux formali, kif ukoll il-bżonn ta’ adattament tal-postijiet tax-xogħol biex ikunu iktar xierqa għall-persuni ta’ età akbar.

Numru ta’ kelliema tkellmu dwar il-bżonn ta’ adattament tal-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u appellaw biex kemm min iħaddem kif ukoll il-ħaddiema għandhom ikunu proattivi fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja biex huma jibqgħu kompetittivi u jixprunaw żvilupp ekonomiku sostenibbli.

Bosta tkellmu dwar il-bżonn ta’ bidla kulturali dwar kif inħarsu lejn persuni b’età aktar avvanzata fid-dinja tax-xogħol b’enfasi fuq il-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja attiva minn kmieni, biex tiżgura produttività fuq perjodu itwal ta’ żmien.

Fl-għeluq tal-Forum, il-Konsulent tal-MEA, Joseph Farrugia, appella għal bidla fil-kultura li tinkoraġġixxi aktar individwi jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. “Dan jeħtieġ numru ta’ inizjattivi, fosthom l-iżvilupp ta’ kultura interġenerazzjonali li tikkunsidra d-drittijiet u l-perspettivi tal-etajiet differenti, il-promozzjoni tax-xogħol bħala parti integrali għall-benesseri personali, il-bżonn ta’ gwida għall-karriera għall-ħaddiema li jixtiequ jibqgħu attivi iżda li l-impjieg tagħhom ma jkunx ideali għall-età tagħhom.

Il-punti ewlenin li ħarġu minn din id-diskussjoni se jinġabru mill-Malta Employers Association f’pubblikazzjoni li se tinħareġ fix-xhur li ġejjin.

Dan l-avveniment kien organizzat mill-MEA bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, bl-appoġġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), Active Ageing & Community Care, il-Family Business Office, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, JobsPlus u Identità.