L-MFA kellha tikkanċella l-partita ta’ ħbiberija internazzjonali skedata għal għada l-Ħamis, minħabba diffikultajiet li għandha l-FA Turkmenistan biex tikseb l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mill-awtoritajiet ta’ pajjiżhom biex jivvjaġġaw lejn Malta.
Il-partita internazzjonali kienet ġiet approvata mill-FIFA, il-UEFA u l-Konfederazzjoni tal-Futbol Asjatiku, li kollha ppruvaw jintervjenu biex jiżblokkaw l-impass mingħajr suċċess.
L-MFA irringrazzjat lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin hawn Malta għall-għajnuna mogħtija matul il-proċess permezz ta’ mezzi diplomatiċi.
It-Tim Nazzjonali Malti aġġusta l-programm tiegħu tal-jiem li ġejjin sabiex jipprepara bl-aħjar mod possibbli fid-dawl tal-partita kruċjali tal-UEFA Nations League ta’ nhar il-Ħadd, f’Ta’ Qali, kontra l-Moldova.
Intant, l-ispettaturi li kienu diġà xtraw il-biljetti għall-partita ta’ għada jistgħu jagħżlu li jew jiġu rimborsati jew li jibdlu l-biljett ma’ ieħor għall-partita kontra l-Moldova tal-Ħadd.
Peress li l-UEFA Nations League D hija magħmula minn żewġ gruppi ta’ tlieta, fil-partita l-oħra disponibbli tagħha Malta kellha tilgħab kontra tim nazzjonali mhux Ewropew li ma kienx impenjat f’partiti kompetittivi.
Malta tilgħab kontra l-Moldova nhar il-Ħadd, 13 ta’ Ottubru, fis-6pm, fl’Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.
//= $special ?>