Internazzjonali

Libanu-Iżrael: Il-Ħeżbollah qed jipprova jlaħħaq mal-intensità tal-konflitt, iżda llum spiċċa ħafna aktar dgħajjef minn qabel

Il-gwerrillieri Xiti Lebaniżi tal-Ħeżbollah fl-aħħar sigħat komplew bil-bumbardamenti tal-inħawi tat-Tramuntana u bnadi oħrajn ta’ Iżrael – u bil-qawwiet Iżraeljani jkomplu bl-avvanzi fl-artijiet tal-Libanu wara li huma invadew il-pajjiż ftit tal-jiem ilu.

Iżda waqt li l-Ħeżbollah qed jipprova minn kollox biex jikseb xi rebħiet militari notevoli, il-maġġoranza tal-osservaturi jemmnu li dan il-grupp ta’ milizji – alleat mal-Iran – tilef ħafna mis-saħħa li kellu wara l-aħħar attakki preċiżi tal-Iżraeljani fuq iċ-ċentri tal-milizji fil-Libanu….Attakki li qerdu ħafna mill-infrastruttura tal-gwerra tal-Ħeżbollah u bl-ogħla mexxejja tal-grupp jispiċċaw kważi għal kollox eliminati.

Fl-aħħar sena nqatlu ‘il fuq minn 2.000 persuna madwar il-Libanu, b’talanqas 1.2 miljuni jkunu kostretti jaħarbu minn djarhom fl-aħħar jiem u waqt l-offensiva mill-art tat-truppi Iżraeljani. Sitwazzjoni li tfisser li l-Libanu, diġà eżawrit minn snin ta’ kriżi, issa spiċċa taħt pressjoni akbar u meta qed jegħreq dejjem aktar bħala pajjiż fallut.

Fl-istess ħin, xejn mhu  jindika li ftehim għal waqfien mill-ġlied jista’ ikun imminenti – u meta ma hemm l-ebda inċentiva għal dan mill-perspettiva ta’ Iżrael.

L-Iżraeljani, fl-istess ħin, jafu li din il-kampanja militari – u l-aħħar suċċessi kontra l-Ħeżbollah –naqqsu sew mis-saħħa tal-grupp. Dan meta l-Ħeżbollah ma jidhirx kapaċi għal reazzjoni militari fuq livell tassew emfatiku u meta x’aktarx li l-militar ta’ Iżrael jemmen li jkun aħjar jekk hu jkompli u jespandi l-offensiva fil-Libanu.

Sadanittant, l-isparar tal-missili mill-Ħeżbollah mhux jieqaf, fost rapporti li, fl-aħħar sigħat, inqatlu mara u raġel fil-belt ta’ Kiryat Shmona, qrib il-fruntiera ta’ Iżrael lejn il-Grigal. Il-Ħeżbollah, dritt wara, assuma responsabbiltà għall-attakk u bil-milizji, ilbieraħ, jerġgħu jolqtu lill-inħawi ta’ Ħaifa b’numru ta’ rokits. Dan, fil-fatt, kien it-tielet jum konsekuttiv ta’ attakki fuq it-tielet l-akbar belt f’Iżrael.

Fl-istess ħin, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji qal li r-residenti f’madwar 25 fil-mija tat-territorju Lebaniż qed ikunu suġġetti għad-direttivi tat-truppi Iżraeljani biex joħorġu mill-inħawi li mistennija jinbidlu f’zoni ta’ konflitt. Dan ukoll wara li seħħew sensiela ta’ battalji bejn il-milizji tal-Ħeżbollah u s-suldati Iżraeljani fi bnadi qrib il-fruntiera Lebaniża tan-Nofsinar.