Sport Waterpolo

Matthew Castillo jirritorna ma’ Neptunes wara seba’ snin

Matthew Castillo jiffirma għal erba' snin ma' Neptunes
Matthew Castillo jiffirma għal erba' snin ma' Neptunes

Castillo, li matul is-sajf li għadda kien misluf lil Sliema mingħand Exiles, għadu kif ġej minn tmiem ta’ staġun mill-aqwa fejn kellu sehem importanti fis-suċċess tal-blues. Wara nuqqas ta’ 15-il sena, Sliema mhux biss reġgħu rritornaw jirbħu unur ewlieni fil-waterpolo lokali, iżda taħt il-gwida teknika tal-kowċ Giannis Katrouzanakis huma rebħu d-double għall-ispejjez ta’ San Ġiljan.

Wara staġun diżappuntanti, Neptunes bdew jaħdmu bis-sħiħ għall-bidu tal-istaġun il-ġdid tal-waterpolo, bl-għan li jsaħħu l-iskwadra tagħhom għas-sena li ġejja. Matul il-ġurnata tal-lum, ir-reds aċċertaw ir-ritorn tal-gowlkiper ta’ 28 sena, Matthew Castillo, li se jkun qed jerġa’ jilgħab bejn il-lasti ta’ Neptunes, seba’ snin wara li kien ħalla lil dan il-klabb biex ingħaqad ma’ Exiles.

Mhuwiex sigriet li Sliema kienu qed jittamaw li jiksbu l-firma ta’ Castillo fuq bażi permanenti, hekk kif il-kuntratt tal-gowlkiper ta’ 28 sena ma’ Exiles, kien jiskadi fl-aħħar ta’ dan l-istaġun. Madankollu, iċ-champions naqqsu milli jilħqu mat-talba ta’ Exiles, u r-rivali eterni ta’ Sliema, Neptunes, ħatfu l-opportunità biex jakkwistaw lil Castillo huma, u rnexxielhom.

Castillo, li llum hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa gowlikpers lokali fil-logħba, kien ħalla lil Neptunes fl-2017. Dakinhar, Castillo kien għadu żgħir fl-etá u bejn il-lasti ta’ Neptunes kien hemm Alan Borg Cole fl-aqwa tal-karriera tiegħu. Kien għalhekk li Castillo għażel li jkun trasferit għal ma’ klabb ieħor bit-tama li jikseb aktar esperjenza ta’ logħob.

Seba’ snin wara, il-folja nqalbet u wara sajf mill-aqwa bejn il-lasti ta’ Sliema, meta Castillo kien misluf mingħand il-ġirien Exiles, anke jekk hu kien lest li jiffirma b’mod permanenti maċ-champions il-ġodda tal-waterpolo Malti, kienu Neptunes li wrew l-akbar interess fiħ meta offrew l-akbar offerta lil Exiles għall-akkwist ta’ dan il-gowlkiper.

Illum Castillo ffirma kuntratt ta’ erba’ snin ma’ Neptunes, fi trasferimenti li se jkun qed jara t-tmiem tal-karriera tal-gowlkiper ta’ esperjenza, Borg Cole mar-reds li se jkun qed jirritorna mill-ġdid ma’ Exiles; il-klabb fejn magħhom kien beda l-karriera tiegħu fil-waterpolo.