The Rockit Experience ttellgħat fit-teatru Sir Temi Zammit fl-Università b’esperjenza indimentikabbli għal Oblique Visions bil-kanzunetti tagħhom idoqquhom ma’ St Paul Metropolitan Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Mark Agius.
L-arranġamenti orkestrali saru minn Mro Stefano Vagnini. Il-kunċert intlaqa’ tajjeb b’attendenza kbira ssegwi dan il-kunċert, kemm dawk li huma midħla tax-xena metal, kif ukoll dawk li mhumiex. L-istess jingħad għall-membri tal-band u l-mużiċisti tal-orkestra li ħadu gost b’din l-esperjenza unika. F’dan il-kunċert kien hemm ukoll il-parteċipazzjoni tal-band Viper Soup Complex.
St Paul Metropolitan Orchestra ġiet iffurmata minn Maestro Agius fl-2015. Din l-orkestra tikkonsisti minn 63 mużiċist ta’ livell għoli, iżda għal din l-esperjenza l-orkestra kienet iffurmata minn 45 element.
Dwar dan il-kunċert tkellimt ma’ Brian Sammut, wieħed mill-membri ta’ Oblique Visions. Huwa qal li l-ħsieb għal dan il-kunċert beda madwar sentejn ilu meta Maestro Agius u Conrad Borg, il-vokalista tal-band, kienu msefrin flimkien u bdew jiddiskutu dwar il-mużika klassika u dik metal. Kif waslu lura Malta bdew il-preparamenti u l-avveniment seħħ f’Sir Temi Zammit Hall, fl-Univeristà ta’ Malta.
Jistqarr li t-tħejjijiet ħadu ftit iktar minn sentejn. Kien hemm l-arranġamenti x’jiġu komponuti, barra l-loġistika u xoghol ta’ wara l-kwinti’. “L-aktar ġimagħtejn intensivi kienu dawk ta’ qabel l-avveniment, fejn il-grupp u l-orkestra ltaqgħu għall-ewwel darba biex idoqqu flimkien.”
Biex twassal kunċert bħal dan, il-problemi ma naqsux. Brian qal li l-ewwel problema kienet biex jinstab post adattat u kbir biżżejjed biex jesa’ l-band u l-orkestra f’daqqa. Jistqarr hekk: “Problema oħra kienet il-fatt li l-grupp qatt ma daqq ma’ orkestra u l-istess huma. L-ewwel jumejn kienu pjuttost intensivi sakemm kulħadd dara lil xulxin.”
Il-bassista tal-Oblique Visions jgħid li l-akbar uġigħ ta’ ras kien il-ħoss peress li fil-bidu tal-prattika mal-orkestra, il-ħoss tal-mużiċisti tal-orkestra kien baxx peress li ma kienx amplifikat. “Fit-teatru kellna sfida ferm akbar biex jinstab bilanċ bejn il-qawwa fil-volum tal-mużika tagħna u l-orkestra, u fl-istess ħin ma tintilifx is-saħħa u l-intensità tal-mużika. Ta’ min isemmi li dan l-għan intlaħaq bis-saħħa u l-ħidma bla waqfien ta’ Steve Lombardo u Mario Spiteri, li kienu nkarigati mill-ħoss u l-armar.”
F’dan il-kunċert, l-arranġamenti kienu kollha bbażati fuq l-aħħar album ta’ Oblique VIsions li jġib l-isem ta’ Out of Darkness.
Il-kunċert kellu s-sapport tal-Kunsill Malti għall-Arti.
//= $special ?>