Raġel ta’ 45 sena residenti l-Belt Valletta, ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin mill-Maġistrat Nadine Sant Lia wara li sabitu ħati li fis-6 ta’ Ġunju tal-2021,,,,,,, għall-ħabta ta’ 7.45pm fin-Naxxar, mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddiehor f’periklu car, aggredixxa raġel b’tazza tal-ħġieġ u kkaġunalu feriti gravi f’wiċċu.
Il-Qorti qalet li mill-provi li tressqu quddiemha, inkluż l-istqarrija tal-imputat Maurizio Zahra nnifsu, m’hemmx dubju u lanqas kontestazzjoni li kemm hu kif ukoll il-vittma kienu preżenti dakinhar tal-inċident fil-lok u li dawn kienu involuti f’argument li eskala.
Li kien kontestat huwa r-rwol u l-involviment tal-imputat vis-à-vis il-ġrieħi sofferti mill-parte civile. F’dan il-każ, il-Qorti qalet li hija mċaħħda mill-benefiċċju ta’ prova viżiva bħal pereżempju filmati tas-CCTV u allura trid tislet il-fatt mill-verżjonijiet mogħtija mix-xhieda prodotti.
Il-parte civile Marco Grixti spjega li l-imputat mar ħdejn missieru, li għandu 70 sena, b’tazza tal-ħġieġ f’idu u kien jidher fis-sakra. Ma dan, il-parte civile jgħid li ammona lill-imputat li ma kienx sew li jaħbat b’dak il-mod għal raġel ta’ dik l-età.
Wara, ġew fl-idejn u hekk kif il-parte civile ‘mbotta lill-imputat lura sabiex ibiegħdu, dan kien pront itih daqqa ta’ tazza f’wiċċu viċin għajnejh u b’hekk saret il-ġerħa. Fil-fatt, fix-xhieda tiegħu l-parte civile kompla jgħid li wara dan l-inċident spiċċa bil-flokk imqatta’ u 7 punti f’wiċċu minħabba l-ferita kkawżata bit-tazza tal-ħġieġ.
Is-Surġent Daniela Healey, li rrapurtat fuq il-post ftit tal-mumenti wara l-inċident, ikkummentat li meta kellmet lill-imputat Maurizio Zahra, dan kellu kemxejn riħa ta’ xorb fuqu iżda kien qed jikkopera. Aktar importanti minn hekk, tispjega li kellmet lit-tfal li kienu viċin il-caravan ta’ Grixti fil-mument relevanti u tispjega kif bint l-imputat kienet stqarret li meta rat persuna taqa’ mill-wheelchair marret tiġri ħdejn il-caravan ta’ Grixti biex tgħinha u rat “lir-ragel li għandu rasu maqsuma iqum għad-daddy”.
Kemm omm il-parte civile tikkonferma li binha kellu wiċċu miksi bid-dmija u saħansitra anke s-sieħba tal-imputat, tikkonċedi li “t-tifel ta’ Grixti” kellu fetħa fuq moħħu.
Fit-trattazzjoni, id-difiża tgħid li setgħu kienu l-parte civile u missieru li bdew l-argument, madankollu, anke li kieku stess dan huwa minnu, mix-xhieda joħroġ li kwalunkwe movimenti li setgħu għamlu Grixti kienu bl-idejn u għalhekk xorta waħda ma kien jikkostitwixxi l-ebda ġustifikazzjoni li l-imputat jibda’ jagħti b’tazza tal-ħġieġ.
Minn natura tagħha, meta użata b’dak il-mod fi ġlieda, tikkonverti ruhha f’arma rregolari taqta’ u bil-ponta bil-konsegwenza li l-portata tal-ġrieħi li jistgħu jiġu kkawżati biha tikber b’mod esponenzjali, kif fil-fatt ġara fil-każ.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li trid tara mhux biss l-aspett riformattiv tal-imputat, iżda trid ssib bilanċ bejn il-gravità tal-każ u l-ħarsien, u l-interessi tal-vittmi tar-reat u s-soċjetà inġenerali sabiex tara li
dan ir-reat ma jerġax jiġi kommess kif ukoll tagħti l-ħarsien meħtiega lil pubbliku.
Il-Qorti għalhekk tqiis fiċ-ċirkostanzi, li ladarba sejra timponi l-miżuri ta’ ħarsien mitluba afavur il-vittma, m’hemmx l-estermi li tingħata piena karċerarja effettiva. Għalhekk, ikkundannat lill-imputat priġunerija għal sena li għandha tiġi sospiża għal perjodu ta’ tliet snin.