Internazzjonali

Stati Uniti: Akkużi li TikTok jikkaġuna l-ħsara mentali fost l-adolexxenti

Ir-rappreżentanti għal aktar minn 12-il Stat Amerikan qed ifittxu legalment li TikTok – il-pjattaforma għall-interazzjoni soċjali – fost akkużi li din qed tikkontribwixxi għal kriżi tas-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ u partikularment l-adolexxenti.

Fil-fatt, grupp ta’ 14-il avukat ġenerali minn madwar l-Istati Uniti qed jallegaw li l-kumpanija TikTok tuża l-elementi li jaħdmu ‘psikoloġikament fuq l-adolexxenti’ u b’mod li huma jiffissaw fuq l-app li sar wieħed mill-aktar imfittxa madwar id-dinja.

Intant, forsi l-aktar akkuża serja f’din is-sitwazzjoni hi li l-kumpanija TikTok ‘qarrqet b’intenzjoni’ lill-pubbliku dwar is-sigurtà tal-użu tal-app għat-tul taż-żmien u bil-konsegwenza li dan qed iħalli effett psikoloġiku negattiv għal ħafna.

Sadanittant, ir-rappreżentanti ta’ TikTok esprimew diżappunt għal dan ir-rikors legali u qed isostnu li ħafna mill-akkużi mhumiex preċiżi u infondati,minbarra li ‘qegħdin juru stampa differenti mir-realtà.’

Fl-istess ħin, il-pjattaforma TikTok diġà kuntestat liġi li l-Kungress Amerikan  għadda f’April u li għandu jiddikjara l-app bħala illegali (fl-Istati Uniti) dment li l-kumpanija Ċiniża Bytedance, li tikkontrolla l-parti kbira tal-ishma ta’ Tiktok, taqbel biex tbiegħ din il-pjattaforma soċjali.