Internazzjonali

Stati Uniti: Ir-residenti fi Florida jistennew l-impatt tal-Uragan Milton

Miljuni ta’ residenti qed jaħarbu minn djarhom fl-Istat ta’ Florida meta uragan ieħor kbir – imlaqqam Milton – qed javvanza lejn il-kosta tal-Punent ta’ dan l-Istat.

L-Uragan Milton – f’dan il-każ maltempata ta’ kategorija ‘ħamsa’ – mistenni jolqot il-bajja u l-madwar ta’ Tampa minn ħin għall-ieħor u r-riperkussjonijiet mistennija jkunu kbar. Fil-fatt, l-esperti meteoroloġiċi qed isostnu li l-potenzjal ta’ impatt katastrofiku huwa validu għal medda kbira ta’ territorju – b’uħud jemmnu li t-telf ta’ ħajja, f’din is-sitwazzjoni, għandha tkun ‘inevitabbli’.

KMistenni li l-akbar sors għall-imwiet u l-ħsarat potenzjali se jkunu l-irwiefen tal-uragan li x’aktarx jilħqu veloċità ta’ aktar minn 270 kilometru fis-siegħa huma u javvanzaw minn Florida.

Ir-residenti f’dan l-Istat kienu ilhom il-jiem jippreparaw għall-qilla ta’ ‘Milton’ u fejn tellgħu l-ilqugħ għal kontra l-għargħar filwaqt li pruvaw inaqqsu kemm jista’ ikun mill-element ta’ periklu għall-ħajja.

Madankollu, is-sitwazzjoni tant hi serja li tkellem il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, li għamilha ċara li l-evakwazzjonijiet minn Florida mhux talli kienu neċessarji iżda huma wkoll ‘kwistjoni ta’ ħajja jew mewt’.

Dan fost it-tensjoni li rrankat fid-diversi zoni ta’ Florida fejn kien għaddej l-akbar eżodu ta’ nies għal ħafna snin.