Il-Maġistrat Simone Grech ma sabitx ħatja żewġ infermiera tal-Isptar Monte Carmeli li kkawżaw il-mewt ta’ pazjent ta’ 46 sena aktar minn sitt snin ilu. Valentina Bezzina ta’ 76 sena u l-Filippin Jessie Valentino Poquiz ta’ 35 sena ma nstabux ħatja li fil-15 ta’ Marzu ta’ sitt snin ilu, meta l-infermiera kienu għassa mal-pazjent, dan beda jitriegħed u jieqaf.
Hu kien ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn kien ġie ċċertifikat mejjet. Mill-inkjesta maġisterjali li nfetħet, irriżulta li kien hemm erba’ infermiera li kienu on watch dakinhar, iżda tnejn minnhom qatt ma tressqu l-Qorti.
L-akkużati dejjem ċaħdu l-involviment tagħhom fil-każ. Mix-xhieda li nstemgħet, fattiga li kien jaħdem Monte Carmeli u li kien qed inaddaf il-kamra tal-vittma, innota li dan kien mikxuf b’wiċċu ’l isfel u meta pprova jgħajjatlu, ma weġbux. Hu sejjaħ lill-infermiera l-oħra biex jagħtuh l-għajnuna medika.
Infermier xehed li lejlet mewtu, il-vittma kienet qed taġixxi b’mod mhux normali u kellhom jarawh darbtejn bit-tobba jagħtuh xi mediċina. Filwaqt li kkonferma li ma setax isibu l-polz, l-infermier ma setax jgħid jekk kienx għadu ħaj jew mejjet.
Meta l-infermiera ċemplu għal ambulanza, il-pazjent beda jingħata s-CPR fil-vettura iżda laħaq miet fl-Isptar Mater Dei. Matul l-inkjesta maġisterjali, xehdet infermiera oħra li semmiet kif il-pazjent kien ilu tlett ijiem juri mġiba stramba minħabba li kien fi stat ta’ psikożi u kien qed idur mal-kmamar bla ħwejjeġ, jgħajjat barra mit-twieqi u jidħol ukoll fis-sodod tal-pazjenti l-oħra.
Hi qalet li l-pazjent kien sar perikoluż għalih innifsu u għal ħaddieħor u kien saħansitra ħaraq ilsienu kollu meta beda jpejjep is-sigaretti bil-kontra filwaqt li rrifjuta jieħu l-mediċina għall-psikożi tiegħu. L-infermiera kienu ġew mixlija li l-pazjent miet minħabba traskuraġni u li b’mod volontarju kkaġunaw il-mewt ta’ Joseph Attard.
Il-Qorti ma sabitx ħatja lill-infermiera minħabba nuqqas ta’ provi li huma kellhom x’jaqsmu mal-mewt tiegħu. Ingħad li anke li kieku l-Qorti kellha tqis, li għall-grazzja tal-argument, l-akkużat Poquiz kien qed jissorvelja ionitors bejn il-5am u s-7am, xorta jibqa’ n-nuqqas tal-prova ta’ dak li seħħ, bejn il-fits li seħħew fil- 5:12 am, tal-15 ta’ Marzu, 2018, u l-mewt ta’ Joseph Attard.
Il-Qorti qalet li osservat li ma tressqux l-esperti medici biex jispjegaw kif dawn il-fits setgħu kellhom x’jaqsmu mal-mewt ta’ Joseph Attard. Dan mhuwiex każ fejn il-vittma nstabet mejta fl-Isptar Monte Carmeli.
Infatti rrriżulta b’mod ċar, li l-vittma ttieħdet bl-ambulanza ħin wara li soffriet minn dawn il-fits. Irriżulta li Joseph Attard kien għad kellu polz dgħajjef u li ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn sfortunatament ftit ħin wara, miet.
Il-Qorti qalet ukoll li ma għandhiex quddiemha każ fejn il-vittma nstabet mejta fl-isptar fejn kienet rikoverata, jew li kellha inċident traġiku li ħalliha mejta fuq il-post, jew każ ta’ vittma li għamlet suwiċidju. F’dan il-każ, l-uniku indikazzjonijiet huma, li Joseph Attard kien għaddej minn atteġġjament stramb,
u li kien ġie rrakkomandat li jitpoġġa f’sala iżgħar, biex ikun iktar sigur u jkun superviżjonat, kif ukoll li matul il-lejl bata minn xi fits.
Għal Bezzina dehru l-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila.
//= $special ?>