Lokali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA: Alex Agius Saliba jgħajjar lill-votanti li eleġġew lill-MEPs tal-Partit Nazzjonalista

Skont id-Deputat Mexxej Laburista Alex Agius Saliba, min ivvota lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni tal-MEPs huwa ċass. Anke dawk li għażlu li ma jivvutawx huma ċassi.

Dan iddikjarah hu stess permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali, fejn l-MEP Laburista insista li huwa ċass min bil-vot tiegħu eleġġa lit-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista.

Dan il-kumment pubbliku ġab miegħu baraxx ta’ kummenti u kritika lejn il-Partit Laburista, b’ħafna jgħidu li għadu ma tgħallem xejn mill-aħħar elezzjoni; u għadu qed jara lil kulħadd dubbien.

Diversi kienu dawk li kkummentaw fuq il-fatt li huma kburin li eleġġew tliet MEPs f’isem il-PN; li waħda minnhom hija saħansitra President tal-Parlament Ewropew.

Imbagħad, ma naqsux il-battuti, b’nies jgħidu lil Alex Agius Saliba li aħjar tkun ċass milli Ġaħan. Filwaqt li oħrajn fakkruh kemm waqa’ għar-redikolu meta baqa’ bilqegħda fil-jum li fih Roberta Metsola ġiet eletta mill-ġdid fit-tmexxija tal-Parlament.

Uħud mill-kummenti insistew li tgħajjir bħal dan minn MEP Malti jġib biss firda. Dan filwaqt li kien hemm Laburisti stess li ħassewhom urtati b’dan id-diskors, għaliex huma għażlu li ma jivvutawx – u d-Deputy Leader tagħhom issa qed jiddeskrivihom bħala ċassi.

Intant, jidher li din il-post ta’ Alex Agius Saliba xejn ma niżlet tajjeb mal-klikka ta’ Kastilja. Tant li n-nies ta’ Robert Abela ħaduha qatta’ bla ħabel kontrih, għaliex skont huma… għadu bla esperjenza u jgħaġġel wisq biex jitkellem. Apparti minn hekk, huma jinsabu ferm irrabjati għaliex waqt li qed jippruvaw jipproġettaw lill-Prim Ministru f’dawl aħjar – fl-isfond tal-aħħar surveys – imbagħad ikollok tgħajjir bħal dan li jkompli jbiegħed lill-elettorat.