Raġel intbagħat erba’ snin ħabs wara li ammetta serqiet minn karozzi ftit wara li nħeles mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Shahihan Shahid, Pakistani ta’ 49 sena li jinsab bla xogħol, ġie arrestat f’residenza fil-Għarghur nhar il-Ħadd li għadda. Fil-Qorti ntqal li rapport minn sid ta’ karozza fin-Naxxar, il-Ħadd stess wassal għas-suspettat.
Is-sid sostna li l-ġurnata ta’ qabel kien ra lis-suspettat ġewwa l-karozza tiegħu. Filmati tal-inċident wasslu għall-identifikazzjoni tas-suspettat ħalliel li kien marbut ma’ erba’ serqiet oħra minn karozzi f’dik iz-zona. L-investigaturi rabtu wkoll lis-suspettat ma’ żewġ serqiet oħra li seħħew f’Lulju.
Is-suspettat kellu tattoo distintiv fuq dahru, spjegat l-Ispettur tal-prosekuzzjoni Ritienne Gauci. Ir-raġel ġie mixli b’ħames serqiet aggravati u attentat wieħed, li għex ħajja ta’ vagabondaġġ u inattiva kif ukoll li sar reċidiv.
L-ewwel serqa u attentat fallut seħħew fis-sigħat bikrin tas-16 ta’ Lulju, fl-Iklin. Is-serqiet l-oħra aktar riċenti saru fil-lejl tal-5 u s-6 ta’ Ottubru, immirati lejn karozzi pparkjati fi tliet toroq tan-Naxxar. Insterqu affarijiet personali u flus.
Megħjun minn żewġ interpreti, l-imputat irreġistra ammissjoni wara li kkonsulta mal-avukat tal-għajnuna legali. Huwa kkonferma l-ammissjoni tiegħu wara li l-Qorti tatu żmien biex jerġa’ jikkunsidraha. Meta għamel sottomissjonijiet dwar il-piena, l-avukat tal-AĠ Clive Aquilina irrimarka li Shahid kien diġà serva fil-ħabs.
Iżda mhux talli ma tgħallimx lezzjoni, iżda deher li sar id-delizzju tiegħu li jisraq, qal il-prosekutur, li saħaq li l-akkużat kellu bżonn kura għall-problema tal-alkoħol tiegħu. Il-vittmi tiegħu kellhom bżonn protezzjoni wkoll, kompla l-avukat, li ssuġġerixxa terminu ta’ erba’ snin priġunerija effettiva.
L-Avukat difensur Ilona Schembri irrikonoxxiet li l-akkużat kien reċidiv u ssuġġeriet ordni ta’ trattament “biex forsi ma jispiċċax lura l-Qorti.” Il-Maġistrat Noel Bartolo ħareġ ukoll ordni ta’ trażżin u trattament għal sena wara li l-akkużat jiskonta l-ħabs.
L-avukat tal-AĠ Clive Aquilina u l-Ispetturi Ritienne Gauci u Joseph Mallia mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukat Ilona Schembri kienet avukat difensur tal-għajnuna legali.