Lokali Qorti

Id-difiża tgħid li l-aggressjoni fil-Ħamrun kien tort taż-żewg pulizija

L-Avukati tal-akkużati li aggredew żewġ kuntistabbli tal-pulizija fil-Ħamrun huwa kollu tort tal-allegati vittmi u dan minħabba li atteġġament tagħhom kien wieħed ta’ ksuħat u barrra mill-limitu. Dan ħareġ meta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ erbat irġiel u mara li jinsabu akkużati li kkaġunaw ġrieħi garvi fuq wieħed mill-Pulizija u ġrieħi ħfief fuq l-ieħor, li heddewhom u li żammewhom kontra l-volontà tagħhom.

Christian Mansueto ta’ 33 sena mis-Siġġiewi, Kurt Borg ta’ 44 sena minn Ħal Qormi, Redeimen Aquilina ta’ 23 sena mill-Ħamrun, Elton Borg ta’ 46 sena minn San Ġiljan u martu, Erica Borg ta’ 42 sena, qed iwieġbu mhux ħatja ta’ dawn ir-reati. Huma qed jiġu mixlija wkoll li żammew lill-istess żewg pulizija milli jagħmlu xogħolhom skont il-liġi.

Wara l-maratona ta’ xhieda nhar it-Tnejn li għadda quddiem il-Maġistrat Monica Vella kompla jixhed il-kuntistabbli Aidan Demicoli li wieġeb diversi mistoqsijiet tad-difiża dwar id-diskors li sar bejn iż-żewġ kuntistabbli u Elton Borg.

Demicoli kkonferma li Borg mill-ewwel resaq lejhom b’attitudni mhux xierqa. Qal ukoll li l-akkużat uża l-għajjat biex jindika liż-żewg kuntistabbli li l-vettura kienet tiegħu. Mistoqsi dwar diskors li qal ix-xhud dwar ċitazzjoni ta’ parkeġġ ta’ €5, Demicoli wieġeb li ma jiftakarx.

Dwr dana, id-difiża talbet lill-Qorti twissi lix-xhud li jinsab taħt ġurament u jeħtieġ li jgħid il-verità. Rigward l-espressjoni li ntużat mill-kuntistabbli Clive Mallia, li d-difiża ddeskriviet bħala vulgari, ix-xhud wieġeb li d-diskors intqal wara Borg fetaħ il-bagoll minkejja li dan ma kienx mitlub minnu.

Il-Qorti nfurmat lid-difiża li x-xhud ma jistax iwieġeb għad-diskors li ntqal mill-kuntistabbli l-ieħor. Iżda d-difiża ddikjarat li qed tibqa’ ssostni fuq dawn il-mistoqsijiet għaliex skont huma kien kollu tort tal-qżież taż-żewg kunstistabbli li nqalgħet l-aggressjoni.

Id-difiża hawn staqsiet mill-ġdid dwar diskors li qal Elton Borg, u li ġie ripetut mill-kuntistabbli Mallia. Ix-xhud ma ċaħadx l-aġir ta’ Mallia, bid-difiża tissuġerixxi li l-istess aġir huwa prova ċara tal-provakazzjoni. Id-difiża staqsiet ir-raġuni għaliex Redimen Aquilina kien vittma ta’ sparatura mit-taser gun.

Demicoli nnega dak li allegat id-difiża u qal li spara lejn Kurt Borg għaliex deher l-aktar wieħed aggressiv fil-konfront tal-kuntistabbli Mallia. Kompla li minkejja li taser gun ġie sparat, dan ma ħadimx. Demicoli kkonferma wkoll li ma ta l-ebda twissija lil Borg li kien se jispara t-taser gun għaliex ried jgħin lill-sieħbu mill-aktar fis possibbli waqt li kien qed jiġi aggrediet.

Tenna wkoll li l-pepper spray użah wara li qala’ diversi daqqiet mill-aħwa Borg u anke wara li ra numru ta’ persuni ġejjin għalih. Mistoqsi dwar il-bodycam li sal-illum il-ġurnata għadha mitlufa, Demicoli qal li waqatlu darbtejn matul il-komossjoni.

Dwar dan id-difiża nfurmat lill-Qorti li din il-bodycam aktarx fiha filmati li tagħti aktar informazzjoni dwar min instiga l-aggressjoni u għalhekk talbet lill-awtoritajiet investigattivi jagħmlu l-akbar sforz possibli sabiex tinstab il-bodycam fl-interess li toħrog il-verità u ssir ġustizzja. Il-prosekuzzjoni ddikjarat li qed tagħmel l-għalmu kollu tagħha biex issib l-bodycam inkluż il-kontenut tagħha.

Talba għall-pleġġ

Id-difiża talbet għal ħelsien mill-arrest tal-ħames akkużati, iżda l-prosekuzzjoni gwidata mill-avukat Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali oġġezzjonat minħabba li l-investigazzjoni għadha għaddejja. L-Avukat Valletta argumenta wkoll dwar il-biża’ ta’ kontaminazzjoni ta’ provi u sostna mal-Qorti li l-każ għandu jitqies bħala gravi.

L-Avukat tad-difiża Mario Mifsud qal li mix-xhieda rriżulta li l-argument inqala fuq ħmerija u li Redimen Aquilina involva biss ruħu fl-argument meta mar iferraq lil wieħed mill-akkużati minn mal-kuntistabbli. Il-prosekuzzjoni qalet li fil-filmati deher ċar li Aquilina uża idejh diversi drabi fil-konfront tal-kuntistabbli.

L-Avukat Arthur Azzopardi sostna li mill-filmati tal-bodycam irriżulta li Erica Borg ma ngħatatx it-twissijiet u drittijiet legali waqt l-arrest u għalhekk dan għandu jitqies invalidu. L-Avukat Franco Debono qal li l-aktar xhieda sensittivi f’dan il-każ instemgħu u għalhekk m’hemmx il-biża ta’ tbgħabis ta’ provi.

L-Avukat Debono qal li japprezza x-xogħol tal-pulizija li ħafna minnu jitwettaq fis-skiet u qatt ma jkun magħruf, iżda rrimarka wkoll li ċertu diskors seta’ kien żejjed f’dan l-inċident u seta’ wassal għal dak kollu li seħħ.

L-Avukat Matthew Xuereb qal l-akkużati lkoll għandhom impjieg fiss, kondottanetta u lesti wkoll joqogħdu għal kundizzjonijiet kollha imposti fuqhom mill-Qorti. L-Avukat Charles Mercieca qal li l-filmati huma preservati u fil-pussess tal-pulizija u għalhekk m’hemmx il-biża’ ta’ xi kontaminazzjoni ta’ xi prova.

Il-Qorti qalet li se tkun qed tagħti digriet in camera dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest u li meta tagħmel dan se tkun qed tinforma lid-difiża u lill-prosekuzzjoni dwar l-eżitu tad-deċiżjoni tagħha. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa wkoll mill-ispettur Elisia Scicluna flimkien mal-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Jennifer Polidano.

Għall-akkużati qed jidhru l-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Charles Mercieca, Mario Mifsud, Nicholas Mifsud, Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb filwaqt li għaż-żewg kuntistabbli qed jidher l-Avukat Herman Mula.