Il-fatt li l-Gvern Laburista ppropona bidliet fil-Pjani Lokali mingħajr konsultazzjoni la mal-Oppożizzjoni u lanqas mal-Kunsilli Lokali, ir-residenti u l-istakeholders, huwa prova oħra ta’ governanza ħażina.
Il-Gvern għandu jikkonsulta u jkun trasparenti dwar il-bidliet li qed jipproponi.
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex ikun trasparenti fuq il-bidla proposta għall-Pjani Lokali li qed tiġi rrappurtata, u qed jappella għal aktar informazzjoni dwar ir-rapporti fil-midja li l-Gvern qed jissuġġerixxi bidliet għal sit partikolari fil-Bajja ta’ San Ġorġ.
Dan huwa preċiżament dak li qal lill-ġurnalisti lbieraħ il-Kap tal-PN Bernard Grech.
Il-PN jenfasizza l-importanza li kull deċiżjoni dwar dan is-sit tittieħed b’konsultazzjoni sħiħa mal-istakeholders kollha qabel ma jittieħdu passi konkreti.
Għall-Partit Nazzjonalista mhux aċċettabbli li tiġi emendata parti minn Pjan Lokali, imma għandu jiġi rivedut il-Pjan Lokali sħiħ b’mod olistiku. Dan wara li jkunu ġew ippubblikati l-istudji kollha neċessarji, bħal Carrying Capacity Study, u mhux abbażi ta’ Strategic Plan for the Environment and Development (SPED) skadut.
Barra minn hekk, il-PN itenni l-wegħda tiegħu li jirrevedi l-Pjani Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex b’mod sħiħ, u mhux bil-biċċiet, biex jindirizza r-realtajiet tal-lum u jindirizza anomaliji li ilhom jiġu injorati għal snin sħaħ. Dan għandu jsir fl-ambitu ta’ governanza tajba u b’mod li jkun hemm level playing field għal kulħadd.
Il-Partit Nazzjonalista huwa konxju mill-pressjonijet kbar li l-iżvilupp qed iġib fuq il-lokalitjiet tagħna u dan se jkun prinċipju komuni fir-reviżjonijiet tal-Pjani Lokali.
Fi żmien meta l-lokalitajiet tagħna qed jiffaċċjaw pressjonijiet kbar, huwa kruċjali li kwalunkwe bidliet jiġu diskussi b’mod miftuħ u trasparenti, biex tkun żgurata l-aqwa soluzzjoni għal kull min hu involut.
//= $special ?>

