Internazzjonali

Iz-Zona Schengen: Differenzi dwar ir-ritorn tal-kontrolli mal-fruntieri

Il-Mexxejja tal-Polonja u Ċekja qed jopponu għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli għall-movimenti mal-frunrtieri tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea. Dan wara li l-Ġermanja u pajjiżi oħra tal-UE qalu li dan il-pass kien neċessarju għall-kontroll tal-immigrazzjoni illegali.

Intant, il-Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk, waqt diskors fi Praga, qal li r-ritorn ta’ dawn il-kontrolli mal-fruntieri tal-Istati tal-UE mhumiex se jservu daqstant biex jikkontrollaw l-immigrazzjoni illegali. Hu sostna li l-Unjoni, minflok, għandha tagħmel aktar biex tipproteġi l-fruntieri esterni taz-zona Ewropea bħala ‘kollettiv’ u fejn qabel miegħu wkoll il-Prim Ministru Ċek, Petr Fiala.

L-Awstrija, id-Danimarka, Franza, l-Italja, is-Slovenja, l-Iżvezja u l-Finlandja huma fost il-pajjiżi Ewropej li introduċew jew intensifikaw il-kontrolli mal-fruntiera fl-aħħar xhur. Intant, l-aħbar tax-xahar li għadda li l-Ġermanja qed tinsisti bil-kontrolli temporanji mal-fruntieri tal-art kollha (tagħha) għal perjodu ta’ sitt xhur qanqlet il-kritika ta’ Tusk, li fisser il-pass bħala wieħed ‘inaċċettabbli’.