Joseph Bezzina ta’ 64 sena min-Naxxar, magħruf bħala ‘Tal-Ħarbux’, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li allegatament spara fuq il-vettura ta’ Michael Camilleri magħruf bħala ‘Tal-Bżar.’
Meta kien tressaq il-Qorti fit-2 ta’ Ottubru li għadda, it-talba għall-pleġġ kienet ġiet miċħuda. Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjubin kontrih fejn qed jiġi mixli b’attentat ta’ ġrieħi gravi, ħsara fi proprjetà, u reati b’arma tan-nar.
Dan wara li fil-lejl tal-25 ta’ Settembru, Joseph Bezzina, suldat irtirat, allegatament spara fuq vettura li ħabtet fil-grada tal-proprjetà tiegħu. Il-każ seħħ f’zona mwarrba fi Triq Santa Klara, fil-Magħtab, fil-limiti tan-Naxxar. Il-Pulizija kienet qalet li malli waslu fuq il-post innutaw xatba ta’ residenza mkissra u xi persuni fuq ġewwa.
Kien ġie stabbilit li Michael Camilleri, magħruf bħala “Tal-Bżar’, huwa l-persuna li saq bil-karozza fix-xatba u kissirha. Camiillerti diġà tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ. Il-Pulizija rriżultalha wkoll li Joseph Bezzina kien il-persuna li allegatament spara t-tiri fuq il-vettura ta’ Camilleri.
Bezzina qal li fl-istqarrija tiegħu mal-Pulizija, li l-argument kien bejn ibnu u Camilleri u li t-tiri sparati allegatament minnu kienu sparati sforz ta’ kemm ried jipproteġi lill-familja tiegħu, meta Camilleri faqagħlu x-xatba ta’ daru. Il-Pulizija qalet li Joseph Bezzina kkoopera magħhom, saħansitra urihom l-arma tan-nar li kien fiha tlett iskrataċ fiha.
Dan sostnietu d-difiża meta qalet li l-akkużat spara tir ta’ twissija fl-arja qabel ma allegatament spara fuq il-vettura ta’ Camilleri. Iżda l-prosekuzzjoni ma qablitx ma’ dan l-argument għaliex il-faċċata tal-vettura kienet mifqugħa bit-tiri.
Id-difiża kienet spjegat li l-karozza ta’ Camilleri kienet mimlija tiri għaliex l-arma li allegatament intużat kienet senter tal-kaċċa, li meta tiġi sparata, it-tir jinfetaħ u jirriżulta fi ftuħ ta’ ammont ta’ ċomb.
Qalet li Bezzina ma kellu l-ebda intenzjoni li jweġġa’ lil Camilleri, iżda meta Camilleri daħal fir-residenza tiegħu waqt li kien jinsab rieqed, l-istint tal-akkużat kien li jipproteġi lill-familjari tiegħu.
Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Monica Vella fejn prattikament instemgħu x-xhieda kollha b’rabta ma’ dan il-każ. Il-pleġġ ingħata fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ €10,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mallia flimkien mal-Avukat Kenneth Camilleri f’isem l-Avukat Ġenerali. Għal Bezzina dehru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri. Għall-allegat vittma qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Josè Herrera, Matthew Xuereb u Martina Herrera.
//= $special ?>
