Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom dritt għal kura tas-saħħa mentali xierqa, b’faċilitajiet denji u li huma aċċessibbli għal kulħadd.
Biex iseħħ dan, jeħtieġ investiment serju b’impenn u bi pjan.
Waqt messaġġ fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali mix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo Hagi, ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea, u l-professjonista fil-qasam tas-saħħa Norma Camilleri, il-Partit Nazzjonalista elenka sensiela ta’ miżuri li għandhom l-għan li jtejbu s-servizz li jingħataw il-pazjenti fil-qasam tas-saħħa mentali.
Dawn il-miżuri huma:
- Li jinbena sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali akuta qrib l-Isptar Mater Dei
- Li pazjenti li jkunu qed jirċievu kura tas-saħħa mentali jingħataw din fuq l-istess livell u b’mod ta’ kif jiġu trattati kundizzjonijiet oħrajn
- Li jingħataw mediċini ġodda li diġà jinsabu fis-suq u li joffru livell ta’ kura aħjar
- Li jinħoloq pjan ta’ edukazzjoni biex tingħeleb l-istigma marbuta ma’ nies li jbatu minn mard mentali
- Li jinħoloq programm ta’ għarfien li jingħata f’livelli differenti fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna dwar kif tagħraf sintomi ta’ mard mentali u fejn u kif tfittex l-għajnuna
- Li l-kura u t-trattamenti li jingħataw fis-sistema tas-saħħa mentali jiġu integrati fil-kliniċi u fil-bereġ madwar pajjiżna biex negħlbu l-istigma u l-mentalità li hemm differenza bejn min jingħata kura mentali u min jingħata kura għal kundizzjonijiet oħra
- Li jkun offrut programm ta’ assessjar fost l-istudenti u l-ħaddiema kollha ta’ pajjiżna biex b’eżaminazzjoni jkunu jafu jekk humiex qegħdin ibatu minn xi kundizzjoni relatata mas-saħħa mentali
- Li jsir investiment fil-kliniċi u fl-isptarijiet tagħna biex ikollna riżorsi umani li jkunu esperjenzati u li studjaw f’dan il-qasam
- Li għaqdiet volontarji jkunu megħjuna jinvestu aktar f’dan is-settur
- Li jissaħħu s-servizzi fejn persuni li jsibu ruħhom fi kriżi jistgħu jirrikorru immedjatament għall-għajnuna bit-telefon, online jew fiżikament
- Li jiġu identifikati u mħejjija ‘safe spaces’ f’binjiet kbar jew pubbliċi fejn min iħossu mhux komdu jew ikun irid ftit ħin għalih mingħajr distrazzjoni jkun jista’ jmur fihom.
Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi l-ħidma imprezzabbli tal-ħaddiema kollha f’dan il-qasam daqstant sensittiv, kemm dawk fl-isptarijiet kif ukoll dawk li jservu f’organizzazzjonijiet u għaqdiet.
L-għaqdiet volontarji li joffru sapport u għajnuna lil persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali huma indispensabbli. Gvern ġdid Nazzjonalista jgħinhom b’kull mezz possibbli biex jissaħħu.
Hu evidenti mit-telqa li rajna fl-aħħar snin li, għall-Gvern Laburista, is-saħħa mentali mhijiex prijorità. Riżultat ta’ dan in-nuqqas ta’ interess u investiment qed ibatu l-ħaddiema u l-pazjenti.
Diversi fatturi qed iwasslu għal żieda fl-istress fil-ħajja ta’ kuljum, fosthom it-traffiku, in-nuqqas ta’ spazji pubbliċi, l-għoli tal-ħajja, l-istress li ġġib magħha ż-żieda drastika fil-popolazzjoni u stress ieħor bħal dak marbut ma’ studju u xogħol.
Statisika globali tistma li 15% tal-ħaddiema adulti għandhom sfidi mentali. Għalhekk din hi sfida li ma nistgħux ninjorawha.
Kull wieħed u waħda minna jista’ xi darba jew oħra jesperjenza diffikultajiet fis-saħħa mentali tiegħu. Il-PN se jaħdem biex fuq kull livell, il-kura fis-saħħa mentali tkun waħda li ġġib serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi.
Il-kelliema semmew ukoll il-problema tal-mediċini out of stock li reġgħet tinsab magħna. Sfortunatament, f’dawn l-aħħar ġimgħat reġa’ kien hemm ammont inkwetanti ta’ mediċini li kienu out of stock. Fost dawn il-mediċini kien hemm dawk li jintużaw fil-qasam tas-saħħa mentali, imma wkoll mediċini li jintużaw għal problemi respiratorji, il-pressjoni, l-asthma, ADHD fit-tfal u anke l-Parkinsons.
//= $special ?>