Xufier ta’ kumpanija privata li jġorr il-passiġġieri ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li kien mixli li ħebb għal passiġġier li lmenta mis-sewqan “perikoluż” tiegħu. Mohamed Bashir Ibrahim Aljalli, Libjan ta’ 37 sena, kien mixli quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo li fera raġel Brażiljan.
L-allegat inċident seħħ fl-1 ta’ Ottubru li għadda waqt li kien qed iwasslu minn Paceville lejn il-Belt Valletta. Fil-Qorti rriżulta li l-passiġġier beda jilmenta l-ħin kollu mis-sewqan tax-xufier imma dan beda jinjorah.
F’ħin minnhom, il-passiġġier qal lix-xufier biex jieqaf imma x-xufier qallu li kien viċin li jaslu. Meta l-passiġġier ħallas lix-xufier huwa reġa’ semma s-sewqan u semmielu xi diskors dwar id-droga.
Kien hawn li x-xufier ħebb għall-passiġġier u tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu u fil-ġlieda li nqalgħet ix-xufier allegatament ta b’arma fuq id il-passiġġier. Ix-xufier telaq minn fuq il-post u ħalla lill-passiġġier bid-demm ħiereġ.
Il-Libjan wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u minkejja li saret talba għall-ħelsien mill-arrest, din kienet miċħuda. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brendan Hewer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Gabriel Micallef.
Għall-akkużat deher l-Avukat Julia Micallef Stafrace.
//= $special ?>