Il-media u l-informazzjoni huma essenzjali fit-tfittxija għall-verità – il-poplu għandu bżonn l-għodda f’idejh biex jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif kien qiegħed jindirizza l-ewwel Forum Nazzjonali dwar il-Media u l-Informazzjoni f’Malta fejn insista li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin suppost għandhom f’idejhom diversi għodda biex jiksbu l-informazzjoni.
Bernard Grech insista li minkejja li fil-Parlament għaddew diversi liġijiet fuq il-pluraliżmu tax-xandir biex l-informazzjoni tkun garantita u b’mod totali… sfortunatament fl-aħħar snin dan mhux qed jiġi mħares.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella għal bidla sħiħa fl-attitudni tal-Gvern dwar kif iħaddem l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni b’liġi li daħlet fl-2009 u li l-għan tagħha kienet li kull ċittadin f’pajjiżna jkollu dritt għal informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi… iżda jidher li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex ma jħarishiex.
Bernard Grech sostna li huwa inaċċettabbli li l-ġurnalisti qed imorru l-Qorti biex jiksbu informazzjoni li tkun f’idejn il-Gvern – u agħar minn hekk li l-Qorti jordna lill-Gvern jipprovdi l-informazzjoni u dan jibqa’ jkaxkxar saqajh.
Filwaqt li sellem lil ħaddiema tal-PBS, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li x-Xandir Pubbliku qed jintuża biss bħala għodda tal-Gvern ta’ Abela.
Huwa saħaq li l-Gvern u l-Awtoritajiet iridu jieqfu jaraw il-ġurnalisti bħala l-għadu – attitudni li waslet sabiex inqatlet Daphne Caruana Galizia… u stqarr li l-Gvern bħal donnu ma tgħallem xejn minn dan l-episodju.
Finalment filwaqt li huwa rringrazzja lill-Membri Parlamentari Karol Aquilina u Claudette Buttigieg tal-inizjattiva, Bernard Grech wassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-ġurnalisti u lil kull min jaħdem fis-settur tal-media.
//= $special ?>