Lokali

Ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia tiqba’ fil-qalba tal-UE – David Casa

David Casa, il-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, tkellem fuq l-anniversarju mill-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia u kif il-Parlament Ewropew ser jibqa’ jfakkar il-memorja tagħha għal dejjem.

Il-kap tad-delegazzjoni tal-PN fil Parlament Ewropew sostna li “ċ-ċirkostanzi madwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kienu possibbli minħabba l-korruzzjoni u l-impunità bla rażan li Malta għadha tbatihom sal-lum. Fl-anniversarju tal-qtil brutali tagħha, irridu nonoraw mhux biss il-memorja tagħha iżda wkoll nieħdu rendikont tal-istat tas-saltna tad-dritt f’Malta. Huwa għalhekk li qed insejħu dibattitu fil-Parlament Ewropew waqt is-sessjoni plenarja li jmiss li se jiddiskuti l-istat tal-ġustizzja f’Malta kif ukoll il-qbid istituzzjonali li ppermetta lil ftit nies jiffangaw fuq dahar iċ-ċittadini Maltin.”

Il-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu se jingħata wkoll fit-23 ta’ Ottubru fil-Parlament Ewropew, fi Strasburgu. Din se tkun ir-raba’ edizzjoni tal-Premju li jingħata kull sena. It-twaqqif tal-Premju kien immexxi minn Casa meta kien parti mill-Bureau tal-Parlament Ewropew. L-intenzjoni tiegħu hija li jirrikonoxxi l-eċċellenza fil-ġurnaliżmu u jispira ġurnalisti investigattivi biex iżommu l-poter responsabbli mingħajr biża’ jew favur.

Fis-16 ta’ Ottubru, qed tiġi organizzata wkoll velja f’ġieħ il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia mill-organizzazzjonijiet tal-libertà tal-midja tal-Media Freedom Rapid Response, li se ssir quddiem ir-Residence Palace, fi Brussell, f’nofsinhar.