Il-Gvern abbandunana.
Din kienet id-dikjarazzjoni ta’ numru ta’ studenti li kienu preżenti waqt il-protesta fl-MCAST il-Ġimgħa filgħodu – protesta li saret fid-dawl tad-direttivi li għandhom l-għalliema minħabba li għadu ma ntlaħaqx ftehim kollettiv mal-Gvern. Preżenti kien hemm fost l-oħrajn id-deputat Bernice Bonello.
Fost ċapċip mill-istudenti preżenti, Emma Brownrigg Fenech tenniet li s-sitwazzjoni fl-MCAST – li ilha għaddeja għal numru ta’ snin – qed toħloq ansjetà u inċertezza fost l-istudenti.
Hi spjegat li l-istudenti spiċċaw qishom pupazzi fin-nofs ta’ din is-sitwazzjoni; sitwazzjoni li qed tisraq l-edukazzjoni tal-istudenti minn taħt idejhom.
Shannah Muscat, studenta oħra tal-MCAST, appellat sabiex l-istudenti jibqgħu jipprotestaw għaliex l-istudenti huma l-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż.
Hi tenniet li l-istudenti xebgħu jisimgħu wegħdiet li ma jitwettqux min-naħa tal-Gvern.
Intant, anke l-istudenti tal-MCAST fil-Mosta ħarġu jipprotestaw – bl-appell tagħhom ikun wieħed ċar, li l-Gvern għandu jħallas lill-għalliema sabiex din is-sitwazzjoni tkun riżolta darba għal dejjem.
L-għalliema tal-MCAST ilhom tliet snin bi ftehim kollettiv skadut. Huwa għalhekk li l-MUT implimentat numru ta’ direttivi lill-għalliema fosthom li ma jagħmlux kuntatt mal-istudenti barra l-klassi, u li ma jagħtux marki lill-istudenti.
//= $special ?>