Internazzjonali

Il-Libanu: Jikber il-periklu għar-residenti ta’ Bejrut bil-konflitt qed jintensifika minn jum għal jum

Il-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, wettqu l-akbar u l-aktar attakki ħorox u konċentrati fuq iċ-ċentru ta’ Bejrut mindu, ġimgħat ilu, irranka l-konflitt bejn Iżrael u l-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah.

L-attakki fuq il-kapitali Lebaniża ħallew talanqas 30 mejtin u ‘il fuq minn 120 midruba, bil-poplu ta’ Bejrut qed jgħix taħt ansjetà kbira li kapaċi jisfa mill-ġdid taħt il-bumbardamenti ġodda minn ħin għall-ieħor. Dan wara li l-assedju mill-ajru fuq l-aktar zoni ċentrali tal-kapitali seħħew mingħajr l-ebda twissija preċedenti.

Skont l-aħħar intervisti mar-residenti f’Bejrut, il-maġġoranza assoluta huma konvinti li mhemm l-ebda post sikur fejn jistgħu jmorru u li l-missili tal-Iżraeljani ‘se jolqtu lilhom u lil ħaddieħor irrispettivament fejn jippruvaw jaħarbu’.

Id-dħaħen mill-bini meqruda f’Bejrut kienu għadhom telgħin fl-ajru sa sigħat wara r-rejd fuq iċ-ċentru tal-kapitali u wara li l-missili laqtu liz-zona ta’ Basta, fejn jgħixu ħafna familji. Dan fost it-tfittxija għal diversi persuni li ma dehrux aktar wara l-azzjonijiet mill-ajru tal-Iżraeljani.

L-attakki fil-fatt seħħew meta t-toroq kienu pakkjati bin-nies, b’Iżrael ma jikkummentax dwar l-aħħar żviluppi.

Intant, xi rapporti qalu li Kap ewlieni tal-Ħeżbollah bl-isem ta’ Wafiq Safa kien il-veru mira tal-attakk. Wafiq Safa hu l-Uffiċjal li jieħu ħsieb il-koordinazzjoni tad-diversi fergħat tal-Ħeżbollah li hu dikjarat bħala grupp terroristiku mill-Istati Uniti u r-Renju Unit.

Mifhum ukoll li Safa, kuntrarju għal ħafna kapijiet oħrajn tal-Ħeżbollah, salva minn dan l-attakk iżda l-attakki fuq il-qalba ta’ Bejrut kapaċi huma l-bidu ta’ kampanja ġdida militari tal-Iżraeljani kontra l-Ħeżbollah. Dan għaliex wara li l-Iżraeljani qatlu lill-Kap Kmandant tal-Ħeżbollah, Hassan Nasrallah u ħafna kollegi ewlenin mal-milizji Xiti, Iżrael, issa, kapaċi qed jimmira għal aktar milizji Lebaniżi ta’ livell anqas minn tal-kapijiet eliminati.

Fil-fatt, din kienet l-ewwel darba li ċ-ċentru ta’ Bejrut spiċċa taħt assedju hekk qawwi mill-ajruplani militari li fl-aħħar jiem kienu qed jikkonċentraw fuq is-subborgi tal-kapitali fejn hemm l-aktar fortizzi tal-Ħeżbollah.

Min-naħa tagħhom, il-milizji tal-Ħeżbollah komplew jisparaw il-missili mil-Libanu lejn Iżrael bħala l-aħjar ‘strateġija’ li jistgħu jimplimentaw f’dan il-konflitt li qed isir dejjem aktar ikkumplikat u imprevedibbli.