Internazzjonali

In-Nobel għall-Paċi 2024: Premjati wara għexieren ta’ snin jippromwovu politika ta’ deterrent għall-bombi nukleari

Il-grupp Nihon Hidankyo – magħmul mill-Ġappuniżi  li għexu mill-attakki  bil-bombi atomiċi mwettqa mill-Istati Uniti matul it-Tieni Gwerra Dinjija – rebaħ il-Premju Nobel għall-Paċi ta’ din is-sena,.

Il-membri tal-grupp, magħruf ukoll bħala hibakusha, żgiċċaw mill-aktar episodju sinifikanti tal-gwerer li kienu miġġielda matul is-seklu l-ieħor u isimhom jibqa’ dejjem sinonimu mat-tfigħ tal-bombi – fis-6 u d-9 ta’ Awwissu tal-1945 — li ħallew mewt, qerda u mewġ tar-radjazzjoni fl-ibliet Ġappuniżi ta’ Hiroshima u Nagasaki….Azzjoni li wasslet biex il-Ġappun, eks-spalla tal-Ġermanja Nażista, iċedi lill-qawwiet Alleati fit-2 ta’ Settembru ta’ dik is-sena.

Intant, il-grupp Nihon Hidankyo, issa, hu rikonoxxut mill-Kumitat tan-Nobel Norveġiż għall-isforzi tiegħu biex jeħles lid-dinja mill-bombi bukleari….Ħidma li kontribwiet bil-kbir lejn hekk-imsejjaħ ‘taboo nukleari’.

Joergen Watne Frydnes, bħala ċ-Chairman tal-Kumitat Nobel, wissa wkoll li llum dan it-‘taboo nukleari’ qed jiffaċċja pressjoni min-naħa tal-pajjiżi li qegħdin juru dispożizzjoni aktar aggressiva bħala parti mill-politika tagħhom.

 Intant, hu faħħar il-mod kif  Nihon Hidankyo qed juża l-informazzjoni u r-rakkonti personali tan-nies li għadhom ħajjin sallum wara l-attakki biex jaċċerta li l-bombi atomiċi ma jintużaw qatt aktar.

Il-grupp Nihon Hidankyo, imwaqqaf fl-1956,  jibgħat il-membri madwar id-dinja biex jaqsmu l-esperjenzi tal-‘qerda atroċi’ u t-tbatija għall-mijiet tal-eluf b’kaġun tal-armamenti nukleari.

Il-ħidma tal-grupp bdiet kważi għaxar snin wara l-attakki tal-Istati Uniti fuq Hiroshima u Nagasaki u meta l-organizzazzjoni, fil-passat, kienet innominata diversi drabi għan-Nobel għall-Paċi.

Il-bomba atomika tas-6 ta’ Ottubru kienet qatlet mal-140,000 persuna  f’Hiroshima– bil-bomba li ntefgħet fuq Nagasaki toqtol bejn 40,000 u 75,000 oħra.