“Il-futur tad-demokrazija tagħna tiddependi fuq media ħielsa u indipendenti.”
Dan intqal fil-ftuħ tal-ewwel Forum Nazzjonali dwar il-Media u l-Informazzjoni, li kienet organizzata fil-Parlament mid-deputati Karol Aquilina u Claudette Buttigieg, fejn preżenti kien hemm għad kbir ta’ ġurnalisti, edituri, professjonisti li jaħdmu fil-media, letturi, kittieba, xandara u individwi oħra li jaħdmu fuq dan is-settur. Preżenti wkoll diversi deputati, u anke s-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino u l-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione.
Karol Aquilina semma’ kif l-idea ta’ dan il-Forum nibtet mill-fatt li bħalissa l-Parlament għandu quddiemu għadd ta’ liġijiet li jolqtu direttament il-ġurnalisti u l-media.
Hu qal li rridu naraw kemm il-media trid tkun ta’ sostenn għall-informazzjoni, il-ħtieġa tal-ġurnaliżmu ħieles, u t-theddida tal-fake news. Hemm ukoll l-issue tar-regolamentazzjoni li trid tiġi diskussa.
Fil-bidu ta’ dan il-Forum, Karol Aquilina sellem il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll lil Karl Gouder li miet xahar ilu wara snin twal jaħdem fil-media.
Indirizza lil dawk preżenti l-Ministru Jonathan Attard illi semma’ kif il-Gvern qed jgħid li se jkompli jikkonsulta fuq il-liġijiet li jolqtu l-media.
L-Ispeaker Anglu Farrugia appella għar-responsabbiltà u l-etika minn naħa ta’ dawk kollha li jaħdmu fil-media. “Kull rapport għandu jkun ibbażat fuq il-verità”, sostna l-Ispeaker tal-Parlament.
Id-deputat Claudette Buttigieg għalqet is-sessjoni billi irringrazzjat lill-parteċipanti tal-kontribut tagħhom.
Interventi mill-parteċipanti
Il-Professur Andrew Azzopardi qal li t-timing ta’ dan il-Forum ġie f’ħin mill-aktar opportun. Speċjalment minħabba l-ħtieġa tal-protezzjoni għall-ġurnalisti. Hawn, hu qal li r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tpoġġew fil-friża.
Andrew Azzopardi irrefera fost l-oħrajn għall-ħtieġa ta’ riforma fl-Awtorità tax-Xandir u sistema ta’ finanzjament għall-media.
L-avukat Therese Comodini Cachia appellat biex il-Parlament juri leadership, u bil-liġijiet li jgħaddi isaħħaħ id-demokrazija u jsaħħaħ il-libertà tal-media.
L-eks editur Sandro Mangion, li għamel snin twal jaħdem fil-Partit Laburista, appella lill-partiti politiċi biex ibiddlu l-mod kif joperaw l-istazzjonijiet tagħhom.
Il-ġurnalist Tim Diacono spjega li llum inbidel il-mudell kif taħdem il-media, speċjalment fejn tidħol il-kreattività u l-mod kif titwassal l-aħbar.
Ruth Amaira, ġurnalista tal-PBS, tkellemet dwar il-bżonn li l-media tivverifika l-fatti.
Hermann Grech, editur tat-Times, qal li l-awtoritajiet u l-Gvern iridu jkunu ferm aktar miftuħin mal-ġurnalisti.
Fr Joe Borg tkellem dwar dak li għandu jitqies bħala “fl-interess pubbliku”.
Manuel Delia semma’ kif ir-rakkomandazzjonijiet wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma ġewx implimentati. Anzi, lanqas biss qed issir diskussjoni dwar dan is-settur u l-liġijiet li hemm proposti. Għalhekk, jeħtieġ djalogu biex issir riforma sħiħa.
Il-Professur Toni Sant iffoka l-intervent tiegħu fuq l-internet bħala sors ta’ informazzjoni, u pjattaforma li tagħti vuċi lil kulħadd.
Il-professur Alexiei Dingli tkellek dwar “il-fabbriki ta’ disinformazzjoni”, fejn nies jiffabrikaw fake news kuljum – saħansitra biex jinfluwenzaw l-eżitu ta’ elezzjonijiet. Hu semma’ il-perikli li jiġu ma’ din ir-realtà ġdida, fejn kontenut jista’ jiġi manipulat. “Ejja ma nistennewx sakemm ikun tard wisq”, stqarr Alexiei Dingli.
Anke l-professur George Vital Zammit tkellem dwar din it-tema, u l-ħsara kbira li qed iġġib magħha l-fake news. Bħala eżempju, hu semma’ l-elezzjonijiet Amerikani. “Irridu niġġieldu d-diżinformazzjoni”.
Il-Kap tal-Aħbarijiet ta’ Net Media Robert Cremona iffoka fuq il-libertà tal-media, f’ambitu fejn għandek politiċi – u saħansitra l-Prim Ministru stess – li jaħrab mill-iskrutinju tal-media.
Il-ġurnalist Albert Gauci Cunnigham appella għal diskussjoni serja dwar finanzjament lill-media indipendenti. Dan filwaqt li appella għall-ħsieb kritiku.
Eman Borg, attivist żagħżugħ, semma’ l-ħsara li ssir fuq il-media soċjali taħt ċertu stejjer li jkunu rappurtati. Hu appella wkoll biex iż-żgħażagħ jipparteċipaw u joħolqu d-dibattitu.
Vicky Ann Cremona, President tal-għaqda Repubblika, qalet li d-diskussjoni miftuħa toħloq għarfien essenzjali u tikxef realtajiet li min hu fil-poter irid iżommhom mistura.
Ix-xandar Gordon Pace irrefera għall-fatt li TVM elimina d-diskussjoni vera fuq l-istazzjonijiet tiegħu. Hu insista li l-pinna għandha impatt kbir, kif kienet il-pinna ta’ Daphne Caruana Galizia.
Peppi Azzopardi minn naħa tiegħu qal li bħalissa hemm ċensura fix-Xandir Pubbliku, tant li saħansitra waslu jiċċensuraw lill-Papa.
L-attivist William Grech qal li ħadd m’għandu monopolju fuq il-verità. U stqarr li hemm bżonn kultura ta’ analiżi kritika.
Il-Professur Ġorġ Mallia semma’ s-saħħa tal-influencers, u qal li l-maġġoranza taż-żgħażagħ jixorbu l-informazzjoni mill-media soċjali.
L-editur Kurt Sansone, li kien l-aħħar kelliem, insista li xogħol il-ġurnalist hu li jsiru l-mistoqsijiet skomdi. Hu qal ukoll illi huwa ħasra li l-Gvern qed jikkunsidra li jsaħħaħ il-kundanni fuq il-media u l-ġurnalisti, fil-forma ta’ libelli.
Dwar il-white paper relatata mal-media, Kurt Sansone stqarr li issa tant għadda żmien li din spiċċat “yellow paper”.
//= $special ?>