Ħames persuni, erba’ rġiel u mara – akkużati li aggredew żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija fil-Ħamrun ix-xahar li għadda ġew miċħuda l-ħelsien mill-arrest. Christian Mansueto ta’ 33 sena mis-Siġġiewi, Redimen Aquilina ta’ 23 sena mill-Ħamrun, Elton Borg ta’ 46 sena u martu Erica Borg ta’ 42 sena mill-Imsida u ħuh Kurt Borg ta’ 44 sena minn Ħal Qormi jinsabu mixlija b’sensiela ta’ akkużi fosthom li kkaġunaw feriti gravi fuq wieħed mill-kuntistabbli u feriti ħfief fuq kunstistabbli ieħor.
L-attakk tas-Sibt filgħaxija, tal-21 ta’ Settembru li għadda nqabad fuq filmat minn persuni fil-qrib. Filmati malajr kienu ċċirkolaw fuq il-midja soċjali,liema filmati ġabu krtika qawwija mill-pubbliku u kundanni minn naħa tas-soċjetà, Il-Pulizija qalet li l-inċident beda meta żewġ uffiċjali ħarġu biljett tal-parkeġġ għal vettura pparkjata illegalment. Imbagħad ħareġ grupp minn stabbiliment tal-catering fil-viċin u aggredixxa lill-uffiċjali, li ppruvaw jikkontrollawhom bl-użu tal-pepper spray.
L-avukati difensuri argumentaw li l-klijenti tagħhom ġew ipprovokati fit-taqbida minn uffiċjal tal-pulizija “arroganti u li aġixxew bi ksuħat”. Huma għamlu s-sottomissjonijiet għall-ħelsien mill-arrest nhar il-Ħamis meta l-avukati tad-difiża enfasizzaw li waħda mill-bodycams tal-uffiċjali kienet mitlufa.
Fid-digrieti tagħha, il-Maġistrat Monica Vella osservat li ma kienet qed issir l-ebda inkjesta maġisterjali b’rabta ma’ dan l-inċident u b’hekk il-provi setgħu jinżammu biss permezz ta’ investigazzjonijiet tal-pulizija li jkunu għaddejjin.
L-“għajbien” ta ‘wieħed mill-bodycam tal-pulizija kienet kwistjoni ta’ tħassib, hi sostniet. F’dan l-istadju bikri tal-proċedimenti, il-qorti qieset li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għandhom jipproċedu mingħajr xkiel u ħielsa minn kwalunkwe tbagħbis tal-evidenza.
Minkejja dan id-digriet, il-Qorti qalet dan ma jfissirx li l-uffiċjali investigaturi kellhom “jkaxkru saqajhom” fl-investigazzjoni tagħhom. L-għajbien tal-bodycam ikkawża wkoll “preġudizzju serju” lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja peress li dak l-apparat seta’ jitfa’ aktar dawl fuq dak li ġara u jgħin biex tiżvela l-verità kollha, kemm favur kif ukoll kontra l-akkużati.
Deċiżjoni fuq pleġġ bl-ebda mod ma taffettwa l-innoċenza jew le tal-akkużati, u lanqas fuq il-merti tal-każ, qalet il-Maġistrat Vella, li żiedet tgħid li d-dritt għall-ħelsien mill-arrest ma kienx awtomatiku, u semmiet l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u sentenzi oħra mogħtija mill-qrati kostituzzjonali Maltin.
Meta tiddeċiedi dwar il-pleġġ, il-qorti kellha tikkunsidra l-“karatteristiċi speċjali ta’ kull każ. Kellu jintlaħaq bilanċ bejn id-dritt tal-konvenut għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli u l-interess tas-soċjetà fi prosekuzzjoni effettiva.
Is-soċjetà kellha wkoll tiġi mħarsa minn aggressjoni permezz ta’ reati serji. Il-Qorti ħadet nota tan-natura serja tar-reati li allegatament saru kontra uffiċjali pubbliċi li kienu qed jeżerċitaw dmirijiethom. Dawn l-uffiċjali kienu fid-dmir li jipproteġu l-ordni pubbliku, jippreservaw il-paċi pubblika u jissalvagwardjaw is-serħan tal-moħħ tal-pubbliku ġenerali, qalet.
Meta qieset kollox, il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju tal-proċeduri, għal kull wieħed mill-ħames akkużati.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elisia Scicluna flimkien mal-Avukat Jennifer Polidano li f’isem l-Avukat Generali. L-akkużati huma assistiti mill-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Charles Mercieca, Matthew Xuereb, Alex Scerri Herrera, Mario Mifsud u Nicholas Mifsud. Ghall-uffiċjali tal-Pulizija qed jidher l-Avukat Herman Mula.
//= $special ?>