Lokali

“Mal-ġlied intern fil-Labour m’għandhomx jeħlu l-Għawdxin” – PN

Hija ħasra li proġett pożittiv bħall-airstrip spiċċa s-suġġett ta’ pika bejn il-Kunsill Laburista tax-Xewkija u l-Ministru għal Għawdex

Filwaqt li l-konnettività sostenibbli għal Għawdex hija xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista kemm-il darba ppropona, daqstant ieħor hija importanti l-konsultazzjoni wiesgħa u vasta.

Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Minister Alex Borg, intqal li dan sabiex it-tħassib tar-residenti fil-madwar tal-airstrip proposta, u issa approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar, jiġi mismugħ u fuq kollox mifhum.

Jidher biċ-ċar li hemm diżgwid bejn il-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista fix-Xewkija u l-Ministru għal Għawdex fuq kif twettqet il-konsultazzjoni pubblika dwar dan il-proġett.

Is-Sindku tax-Xewkija qiegħda ssostni li r-residenti tal-madwar ma ġewx ikkonsultati sewwa u li l-konsultazzjoni fir-realtà kienet waħda falza.

Jidher li għal darba oħra anke f’Għawdex, it-tmexxija tal-Gvern aktar hija mitlufa fuq ġlied intern, milli fuq inizjattivi li jtejbu l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-ħajja għall-Għawdxin. U din il-pika tista’ twassal biex proġett pożittiv bħal dan, li kien ġie propost anke mill-PN, ikun imtebba’ b’deċiżjonijiet żbaljati.

Alex Borg sostna li Għawdex u l-Għawdxin jixirqilhom aħjar.

Għawdex ukoll għandu bżonn bidla fit-tmexxija biex verament bħala poplu nimxu ‘l quddiem.