Żewġt irġiel min-Nadur ma nstabux ħatja li kkaġunaw ġrieħi gravi fuq raġel fil-każin tal-football tal-istess lokalità f’Novembru tas-sena l-oħra, kif ukoll ma nstabux ħatja li heddewh, inġurjawh u li kisru l-paċi pubblika.
Ruben Said ta’ 49 sena u Ruben Camilleri ta’ 43 sena ma nstabux ħatja mill-Maġistrat Jean Paul Grech fil-Qorti ta’ Għawdex wara li qies diversi fatturi li wassluh biex jikkonkludi li ma kien hemm l-ebda feriti li wasslu biex il-vittma qala’ daqqa ta’ ponn u daqqa ta’ siġġu, anzi kienu l-imputati li għenuh iqum minn mal-art wara li dan tfixkel f’tapit.
Il-fatti tal-każ seħħew nhar l-24 ta’ Novembru li għadda, għall-ħabta tat-8:20pm, meta l-Pulizija fl-Għassa tar-Rabat, Għawdex, irċeviet telefonata mingħand ċertu Ruben Said li kien hemm argument ġewwa l-klabb tal-football tan-Nadur.
Hekk kif uffiċjali tal-Pulizija kienu ħerġin mill-Għassa biex imorru n-Nadur, daħal l-Għassa ċertu Peter Paul Said fejn dan qal lill-Pulizija li kien muġugħ ħafna. L-istess Peter Paul Said informa lill-Pulizija li kien għadu kemm kien involut f’argument ma’ Ruben Said ġewwa l-klabb tal-football tan-Nadur.
Ġiet imsejħa ambulanza l-Għassa u Peter Paul Said ittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Peter Paul Said kien ċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Mix-xhieda kollha li ressqet il-Prosekuzzjoni dwar il-każ, xhud stqarr li kien ġie aggredit mill-imputati.
Ma kien hemm l-ebda xhud ieħor li kkorrabora l-verżjoni tal-istess parte civile. “B’daqshekk, però, ma jfissirx li din il-Qorti għandha awtomatikament tillibera,” qal il-Maġistrat. Il-verità ma tiġix stabbilità minn kemm jkun hemm xhieda li jsostnu verżjoni partikolari.
Il-verita tiġi stabbilita wara li wieħed jevalwa l-kredibbilità tal-verżjonijiet mogħtija. Kif jistabbilixxi l-artikolu 637(2) tal-Kap. 9: “B’dan kollu, f’kull każ, ix-xiehda ta’ xhud biss, jekk emmnut minn min għandu jiġġudika fuq il-fatt, hi biżżejjed biex tagħmel prova sħiħa u kompluta minn kollox, daqskemm kieku l-fatt ġie ippruvat minn żewġ xhieda jew aktar.”
Il-mistoqsija essenzjali li l-Qorti trid issib tweġiba għaliha hija jekk abbażi tax-xhieda tal-parte civile tistax tasal biex issib ħtija fl-imputati għall-imputazzjonijiet li qegħdin jiġu addebitati lilhom mill-Avukat
Ġenerali.
Dan definittivament jirrikjedi eżami approfondit tax-xhieda mogħtija mill-istess parte civile u tad-dikjarazzjonijiet li huwa għamel lill-Pulizija. Il-Qorti fliet fid-dettal l-atti u tirrileva s-segwenti punti ta’
interess.
Nuqqas ta’ konsistenza
Peter Paul Said jitkellam dwar l-allegat inċident fi tliet okkażjonijiet differenti. L-ewwel okkażjoni kienet meta huwa ġie mitkellem mill-Pulizija fl-24 ta’ Novembru, 2023 fil-11pm, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan kien kważi tliet sigħat wara li kien seħħ l-allegat każ.
Dak li kien seħħ għalhekk suppost li kien għadu pjuttost frisk f’moħħ il-parte civile. Peter Paul Said stqarr mal-Pulizija li aktar kmieni dakinhar huwa kien mar il-każin tal-football tan-Nadur sabiex jieħu birra. Hemm kien hemm Ruben Camilleri, dan ħa fastidju u tah daqqa ta’ banketta ġo ġenbu.
Peter Paul Said sostna li bid-daqqa huwa waqa’, reġa’ qam u telaq lejn l-Għassa biex jagħmel rapport. Ta’ min jinnota li f’dan l-istadju l-parte civile ma indikax li l-imputat Ruben Said kien għamillu xi ħaġa; semma’ biss lill-imputat Ruben Camilleri;
It-tieni okkażjoni kien meta Peter Paul Said irrilaxxa stqarrija lill-Pulizija fl-24 ta’ Diċembru 2023. Fil-bidu tal-istqarrija, l-istess Peter Paul Said jgħid li qatt ma kellu problemi ma’ Ruben Said u Ruben Camilleri. Sussegwentement, però, fl-istess stqarrija jgħid li dakinhar tal-24 ta’ Novembru 2023 huwa kien mar il-każin tal-football tan-Nadur.
Qal li Ruben Said u Ruben Camilleri bdew jargumentaw miegħu. Lil Ruben Camilleri, Peter Paul Said qallu li kien Pulizija. Sadanittant huwa qal lil Ruben Said li hu (cioè Peter Paul Said) ried ir-ritratt ta’ ħuh li kien hemm imdendel fil-każin.
Ruben Said qallu biex ir-ritratt iħallih hemm u beda jimbuttah ’il barra. Miegħu mar Ruben Camilleri li beda jagħtih. Ruben Camilleri u Ruben Said ħarġuh ’il barra u baqgħu t-tnejn li huma jagħtuh bil-ponn. Peter Paul Said waqa’ mal-art u xħin kien mal-art huwa spjega li ż-żewġ imputati bdew jagħtuh bis-sieq ġol-kustilji.
Peter Paul Said qal ukoll li Ruben Camilleri tah daqqiet bil-banketta ġol-kustilji. It-tielet okkażjoni kienet meta huwa xehed quddiem il-Qorti fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2024. Għalkemm fil-bidu tax-xhieda tiegħu, il-parte civile insista li huwa jiftakar kollox u li “Jien tista’ tgħaddi mitt sena u niftakar”, f’din ix-xhieda
l-parte civile litteralment ma kellux idea meta kien ġara l-każ li kien qed jixhed fuqu.
Stqarr li ż-żewġ imputati imbuttawh ’il barra u tawh it-tnejn bil-ponn kif ukoll tawh bil-banketta. Fuq
mistoqsija tal-Qorti, il-parte civile spjega li l-banketta li tawh biha kienet tal-ħadid u l-parti ta’ fuq tagħha kienet tal-injam.
L-ebda ġrieħi viżibbli
Miċ-ċertifikat mediku esebit, l-uniku ferita li ġiet riskontrata fuq il-persuna tal-parte civile kienet pneumothorax ta’ ċirka tliet ċentimetri, preċiżament arja bejn iż-żewġ ‘layers’ tal-pulmun. Feriti jew tbenġil viżibbli ma ġewx riskontrati kif sewwasew, ikkonferma t-tabib li ra lill-parte civile fid-Dipartiment tal-Emerġenza kif ukoll l-espert mediku nominat mill-Qorti fuq talba tal-Uffiċjali Prosekuturi, wara li dan tal-aħħar ra n-notamenti kliniċi.
Il-Qorti tinnota li m’hemmx konsistenza fid-diversi verżjonijiet li ta lill-parte civile dwar dak li seħħ. Jgħid biss li huwa laqqat daqqa ta’ banketta mingħand Ruben Camilleri u ma jsemmi xejn aktar.
Meta huwa kien qed jagħti l-istqarrija tiegħu lill-Ispettur illum Supretendent Bernard Charles Spiteri, huwa jgħid li ż-żewġ imputati tawh bil-ponn u bis-sieq, apparti d-daqqa bil-banketta ġol-kustilji mingħand Ruben Camilleri.
Meta kien qed jixhed quddiem il-Qorti, Peter Paul Said isemmi biss li huwa ngħata daqqiet bil-ponn miż-żewġ imputati u li l-istess imputati tawh wkoll bil-banketta. Ma jsemmix li huwa ngħata daqqiet ta’ sieq. F’din il-verżjoni jgħid ukoll li Ruben Said kien tah bil-banketta wkoll, meta sa dakinhar kien għadu qatt ma semma li Ruben Said tah bil-banketta.
Jispeċifika wkoll – dettal li ma jsemmihx fil-verżjonijiet ta’ qabel – li l-banketta kienet tal-ħadid bil-parti ta’ fuq tal-injam. Wieħed jifhem li forsi dak li jkun jista’ jinsa jew jitfixkel f’ċertu dettalji. Però, hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq l-essenzjal dwar kif seħħ l-inċident.
Il-Qorti qalet li ma jistax jkun li wieħed li jkun ġie aggredit u li baqa’ f’sensih tul l-aggressjoni kollha, ma jkunx ċar u inekwivoku dwar min kien li aggredieh, kif svolġiet l-istess aggressjoni u b’liema mod ġie aggredit.
Dan p,erò, ma kienx il-każ hawnhekk. Hemm diverġenzi bejn dak li qal il-parte civile, dak li qal lill-Pulizija fid-dikjarazzjoni tiegħu, u dak li qal meta xehed quddiem din il-Qorti. “Din il-Qorti issibha diffiċli ferm biex tirrikonċilja dawn il-verżjonijiet ma’ xulxin.
“Allura dan bil-fors li jwassal lill-Qorti biex ikollha dubji serji dwar il-kredibbilità tal-parte civile. Punt ieħor kruċjali li wkoll ikompli jdgħajjef il-każ tal-Prosekuzzjoni, huwa l-fatt li apparti l-pneumothorax – li ħarġet biss għax ittieħed X-Ray meta l-parte civile kien qiegħed l-Isptar u mhux għax kienet viżibbli ‘to the naked eye’ – ma kien hemm l-ebda feriti oħra, lanqas biss sempliċi tbenġila fuq il-persuna tal-parte civile“.
Tenut kont tal-aggressjoni li l-parte civile jgħid li sofra – kif senjalat huwa qal li laqqat daqqiet bil-ponn, f’verżjoni minnhom jgħid ukoll li laqqat daqqiet bis-sieq kif ukoll daqqiet b’banketta bis-sieq tal-ħadid u bil-parti ta’ fuq tal-injam – ma jistax jkun li ma tirriżulta l-ebda tbenġila.
Huwa verament diffiċli li wieħed ilaqqat xebgħa ponn u daqqiet bis-sieq jew inkella daqqa b’oġġett iebes u ma jkollu lanqas l-iċken ferita fuq ġismu. Lanqas ma jrriżultaw feriti li jindikaw li l-parte civile laqa’ għal daqqiet li seta’ kien qed jingħata u li possibilment kien għalhekk li ma kellux tbenġil f’ġenbu. Il-verita hi li l-parte civile lanqas girfa waħda ma kellu!!
Anke li kieku għall-grazzja tal-argument wieħed kellu għall-mument wieħed jassumi li l-parte civile laqqat xi daqqa mingħand l-imputati, xorta dan il-fatt waħdu ma jistax jiġi kunsidrat bħala l-kawża unika u esklussiva tan-pnemotharax li ġiet riskontrata fuq il-persuna tal-parte civile xħin huwa daħal l-Isptar.
Kundizzjoni medika li tista’ tiġi mingħajr inċident
Kif irriżulta mill-provi prodotti, il-parte civile hekk kif kien ħiereġ mill-każin tal-football tfixkel f’kartuna li kienet qed isservi ta’ tapit ħdejn il-bieb tal-bar u waqa’ fl-art u kellu jiġi mgħejjun biex iqum. Huwa possibbli għalhekk li din il-kundizzjoni irriżultat minħabba din ilwaqgħa.
Di piu l-istess espert mediku nominat mill-Qorti jindika li tali kundizzjoni medika tista’ tirriżulta wkoll b’mod spontaneju mingħajr ma jkun seħħ l-ebda inċident. Għalhekk lanqas teżisti ċ-ċertezza li torbot l-kundizzjoni ma’ xi daqqa li seta’ rċieva l-parte civile mingħand xi ħadd.
Finalment, il-verżjonijiet li jagħtu x-xhieda okulari tal-inċident Rosette Sillato Said, Lucienne Said u Andrea Caruana xejn ma jgħinu lit-teżi tal-Prosekuzzjoni. Dawn it-tliet persuni ilkoll jipprovdu verżjoni waħda ta’ kif żviluppa l-inċident: jgħidu kif Peter Paul Said daħal fil-każin tal- football tan-Nadur u talab birra.
F’ħin minnhom dar fuq Ruben Camilleri u beda jgħidlu li kien Pulizija u li kien arrestah u li kien se jaħraq lill-Pulizija kollha. Għalkemm lil Peter Paul Said ippruvaw jispjegawlu li kellu żball, huwa ma riedx jifhem. F’punt minnhom ipprova jmur għat-tazzi tal-ħġieġ li kien hemm fuq il-bank tal-bar.
F’dan il-punt indaħal Ruben Said biex jipprova jikkalmah u beda jiddireġieh biex joħroġ ’l barra mill-każin. It-tliet xhieda jikkonfermaw kif huwa u ħiereġ Peter Paul Said tfixkel fil-kartuna li kien hemm fejn il-bieb u waqa’.
Ruben Said mar jipprova jgħinu jqum iżda hu ma riedx jaf, anzi Peter Paul Said rvilla aktar u beda jixħet is-siġġijiet u l-imwejjed li kien hemm barra. Minkejja li l-imputati setgħu ipprevalixxew ruħhom mid-dritt tassilenzju, huma għażlu li jixhdu f’dawn il-proċeduri.
Il-Qorti qabblet il-verżjoni li taw iż-żewġ imputati meta xehdu quddiem din il-Qorti ma’ l-istqarrijiet li huma kienu marru taw minn jeddhom lill-Pulizija fis-2) ta’ Novembru 2023 u ċioe’ jumejn biss wara li seħħ il-każ.
Il-Qorti qalet li ma tistax ma tinnutax il-konsistenza tal-verżjonijiet mogħtija mill-istess imputati u dan kuntrarju għal dik tal-parte civile. Dan apparti l-fatt li m’hemm l-ebda diskrepanza bejn dawn il-verżjonijiet kif wkoll dak tax-xhieda okulari l-oħra li kienu preżenti għall-inċident.
Il-verżjoni tal-allegat vittma mhux kredibbli
Fid-dawl ta’ dan kollu il-Qorti qalet li għalhekk tqis il-verżjoni mogħtija mill-parte civile bħala assolutament mhux kredibbli: u li l-Qorti hija konvinta li kuntrarjament għal dak li sostna l-parte civile ma kien hemm
l-ebda aggressjoni jew kollutazzjoni da parti taż-żewġ imputati fil- konfront tal-istess parte civile.
L-unika ħaġa li għamlu ż-żewġ imputati kien li idderiġew lill-parte civile ’l barra mill-każin tal-football u raw li ma jerġax jidħol fl-istess każin biex jipproteġu lill-membri tal-familja tagħhom (inkluż tfal żgħar li kienu magħhom) li inzertaw kienu qegħdin fl-istess każin dak il-ħin.
Ma jirriżultax li l-istess żewġ imputati użaw xi forma ta’ vjolenza kontra l-istess parte civile; anzi x’ħin l-istess parte civile waqa’ fl-art huwa u ħiereġ mill-każin, huma għenuh jipprova jqum mill-art. Għalhekk assolutament ma hemm xejn li jorbot il-ġrieħi indikati fiċ-ċertifikat mediku li inħareġ fir-rigward tal-parte civile fis-sigħat ta’ wara l-inċident ma’ xi azzjoni taż-żewġ imputati.
Għalhekk il-Qorti illiberat liż-żewġ imputati li huma kkaġunaw feriti gravi fuq l-allegat vittma. Għalkemm fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, mhux neċessarju għall-Qorti li tinoltra ruħha fuq jekk il-ġrieħi li ingħad li kellu l-istess parte civile kinux jikklasifikaw bħala ġrieħi gravi jew le, xorta temmen li għandha
tissenjala xi aspetti f’dan ir-rigward.
Fl-ewwel lok żgur li l-ġrieħi ma kinux gravi per durata għaliex n-pneumothorax li irriżultat meta l-parte
civile daħal l-Isptar ma kinitx għadha hemm ħamest ijiem wara. Dan għaliex minn X-Ray li ittieħed dakinhar tad-29 ta’ Novembru 2023 ma kien deher xejn.
Allura l-parte civile ġie li fieq wara ħamest ijiem. Lanqas ma ġie pruvat mil-lat mediku li din il-kundizzjoni setgħet iġġib xi debulizza permanenti fil-funzjoni tal-pulmun jew xi parti oħra tal-ġisem. Għalhekk fi kwalunkwe każ anke li kieku verament ġie stabbilit li l-imputati ikkaġunaw xi ġrieħi lill-parte civile,
mill-provi prodotti ma rriżultax li dawn il-ġrieħi kellhom xi waħda mill-kwalifiki identifikati fl-artikolu 216 u li għalhekk setgħu jiġu klassifikati bħala gravi.
Mill-provi prodotti fl-ebda ħin ma rriżulta li b’xi mod u manjiera ż-żewġ imputati heddew jew inġurjaw lill-istess parte civile. Lanqas il-parte civile stess ma jindika f’xi waħda mill-verżjonijiet li huwa ta li huwa kien
ġie mhedded jew inġurjat mill-imputati.
Isemmi biss l-allegata aggressjoni fiżika fuqu da parti tal-istess imputati, liema aggressjoni il-Qorti ġia ikkonkludiet li ma kienx hemm. Għalhekk anke din l-imputazzjoni ma ġietx pruvata. L-imputati assolutament m’għamlu xejn li seta’ nissel xi inkwiet jew tħassib fil-moħħ ta’ dawk preżenti dwar l-inkoluminita fiżika tagħhom.
Anzi huma riedu biss li jipproteġu lill-membri tal-familja tagħhom in vista tal-fatt li l-parte civile beda jġib ruħu b’mod aggressiv waqt li kien qiegħed fil-bar tal-każin tal-football. Se mai kien l-istess aġir tal-parte
civile li nissel dan l-inkwiet fil-moħħ ta’ dawk preżenti. Għalhekk din il-kontravvenzjoni ma irriżultax lanqas.
Għaldaqstant għal dawn il-motivi il-Qorti mhux qegħda issib lillimputati Ruben Said u Ruben Camilleri ħatja tal-akkużi kollha li ġew dedotti fil-konfront tagħhom u qegħda għalhekk tilliberahom minn kull
ħtija u piena.