Rumena ta’ 53 sena ġiet akkużata bi ħruq ta’ propjeta’ privata l-Ġimgħa waranofsinhar. Il-mara tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana akkużata li tat in-nar garaxx li jinsab fi Sqaq in-Naħal tal-Palma fl-Imġarr. Il-każ imur lura għall-21 ta’ Awwissu ta’ din is-sena.
Minkejja li għadda xi ftit iż-żmien il-Pulizija baqgħet tinvestiga u wasslet biex tressaq il-persuna l-Qorti. Hi kienet akkużata wkoll li tat in-nar il-ħaxix fi Triq Sir Temi Zammit, kif ukoll li kisret il-paċi pubblika u li għamlet ħsara lil proprjetà ta’ terzi.
Hi wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha. Il-Qorti semgħet li l-Pulizija stazzjonati fl-Imġarr kienet irċeviet rapport dwar in-nirien. L-uffiċjali mbagħad ġabru filmati mis-CCTV’s miż-żona u staqsew numru ta’ individwi biex jiksbu iktar informazzjoni. Huma komplew jaħdmu fuq il-każ u identifikaw minn ikkaġuna dan in-nirien.
Eventwalment, il-pulizija tal-Mosta rċeviet rapport dwar persuna, li allegatament kienet mitlufa minn sensiha u kellha bżonn l-għajnuna. Il-mara kienet spiċċat l-Isptar Mater Dei. L-ispettur Jeffrey Scicluna qal lill-Qorti li identifika lill-pazjenta bħala s-suspettata.
Il-mara eventwalment iddaħħlet l-Isptar Monte Karmeli u ġiet iċċertifikata bħala tajba għall-interrogazzjoni nhar il-Ħamis. Il-mara ġiet arrestata l-Ġimgħa filgħodu u wara tressqet il-Qorti. L-akkużata, li kienet taħdem bħala kok fir-Renju Unit, qalet lill-Qorti li bħalissa qed toqgħod fl-Isptar Monte Carmeli iżda fil-passat kienet tgħix f’lukanda f’Tas-Sliema.
F’dan l-istadju, id-difiża ma talbitx il-ħelsien mill-arrest. L-Ispettur Scicluna informa lill-Qorti li minkejja li l-mara ħarġet mill-isptar, il-kura tagħha kienet għadha ma spiċċatx u kellha tintbagħat lura fit-taqsima forensika fl-Isptar Monte Carmeli. It-talba ġiet milqugħa.
Il-prosekuzzjoni talbet ukoll ordni ta’ protezzjoni li ma kinitx ikkontestata mid-difiża, li infurmat lill-Qorti li l-mara kienitx taf lill-allegati vittmi. It-talba ġiet milqugħa. L-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Miriayah Borg u l-ispettur Jeffrey Scicluna mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat tal-għajnuna legali Ingrid Zammit Young assistiet lir-Rumena.
//= $special ?>