Tmien Kunsill Lokali fiċ-Ċentru ta’ Malta mmexxija mill-Kunsill Lokali Iklin, ingħaqdu fi ftehim sabiex jiggarantixxu kwalità tal-arja tajba għar-residenti tagħhom. Il-Kunsilli Lokali tal-Iklin, is-Swieqi, Birkirkara, Ħal Lija, Ħal Balzan, Ħal Għargħur, San Ġwann u n-Naxxar iffirmaw ftehim ta’ Koperazzjoni Msaħħa (Enhanced cooperation), waqt laqgħa straordinarja bis-sehem tas-sindki tal-lokalitajiet imsemmija, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru.
Waqt li kien qed jindirizza l-laqgħa, is-Sindku tal-Iklin Dorian Sciberras qal li bħala rappreżentanti tal-poplu, il-gvernijiet lokali kellhom ir-responsabbiità li jiżguraw li r-residenti tagħhom igawdu l-proprjetà tagħhom mingħajr inkonvenjent, f’ambjent san u ħieles minn kull periklu.
“Filwaqt li l-komunità industrijali u kummerċjali għandha kull dritt li topera fil-parametri tal-liġi, fiz-zoni li nirrappreżentaw, jeżistu diversi attivitajiet li qed joffru sfidi u impatt fuq il-kwalità tal-arja. Dawn l-isfidi jistgħu jingħelbu biss bil-koperazzjoni tagħna flimkien,” qal Sciberras.
Is-Sindku innota li l-ikbar oneru sabiex tiġi żgurata kwalità ta’ arja tajba għar-residenti, jibqa’ fuq il-Gvern ċentrali, sabiex bis-saħħa kollha li tagħti l-liġi, jinsab bilanċ ekwu u aċċettabbli bejn il-ħidma industrijali u d-drittijiet tar-residenti tal-madwar.
Waqt il-laqgħa ġie ppreżentat rapport dwar il-ħidma li seħħet dwar is-suġġet mill-Kunsill Lokali Iklin fl-aħħar sentejn, u saru interventi mis-Sindki preżenti, f’diskussjoni miftuħa.
Il-ftehim kien iffirmat minn Dorian Sciberra (Kunsill Lokali Iklin); Noel Muscat (Kunsill Lokali Swieqi); Angelo Micallef (Kunsill Lokali Ħal Balzan); Anthony Dalli (Kunsill Lokali Ħal Lija); Desirei Grech (Kunsill Lokali Birkirkara); Helen Gauci (Kunsill Lokali Għargħur); Christopher Deguara (Kunsill Lokali Naxxar); u Dominic Cassar (Kunsill Lokali San Ġwann).
//= $special ?>