Internazzjonali

Boeing tkeċċi mas-17,000 persuna wara għadd ta’ kwistjonijiet li ħonqu n-negozju

Il-kumpanija Boeing se tkun qed tkeċċi mas-17,000 ħaddiem filwaqt li l-jet 777X se jieħu iżjed fit-tul milli mistenni hekk kif qed jesperjenzaw problemi finanzjarji kbar.

F’email li bagħtet il-Kap Eżekuttiv, Kelly Ortberg lill-istaff qalet li l-impjiegi ta’ eżekuttivi, maniġers u impjegati jinsabu kollha f’riskju.

Strajk li seħħ ix-xahar li għadda kien qed jitlob li madwar 33,000 ħaddiem ikollhom pakkett ta’ paga aħjar. It-taħditiet jidhru li ma wasslu mkien.

Il-kumpanija kienet diġà taħt skrutinju wara l-inċident ta’ Jannar fejn difett wassal biex panel tal-jet Boeing 737-MAX tisplodi ftit wara t-tlugħ. Ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ, bil-Kap Eżekuttiv ta’ Boeing, Dave Calhoun qal li l-kumpanija “tirrikonoxxi l-iżball tagħha”.

Sal-aħħar tal-2023, Boeing kellha madwar 171,000 impjegat, iżda issa qed tgħid li jeħtieġ li tbiddel l-istrateġija tagħha, inkluż l-impjiegi sabiex jilħqu mar-realtà finanzjarja tagħhom u finalment jilħqu l-prijoritajiet.