Lokali

“Il-Gvern partiġġjan anke fl-attivitajiet jew proġetti marbutin maż-żgħażagħ” – PN

Għandu jkun hemm kooperazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni f’dan is-settur tant importanti

Il-Gvern Laburista qed ikun partiġjan fl-aġir tiegħu anke f’settur tant importanti bħalma hu dak taż-żgħażagħ. Huwa ċar li b’mod strutturat, u deliberatament, il-Gvern qed jeskludi lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista minn kull inizjattiva jew ħidma marbuta mal-qasam taż-żgħażagħ.

Dan ħareġ minn stqarrija miktuba mix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda, Bernice Bonello f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għaddej b’ħidma biex isaħħaħ il-vuċi u s-sehem taż-żgħażagħ f’kull settur, huwa ovvju li s-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żgħażagħ qiegħed jagħmel minn kollox biex jeskludi lill-Oppożizzjoni mill-ħidma f’dan il-qasam, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-Aġenzija Żgħażagħ.

Dan huwa evidenti f’kull attività li tiġi organizzata, fejn l-Oppożizzjoni qed tiġi kompletament injorata, inkluż f’attivitajiet organizzati mis-Segretarjat Parlamentari stess imma anke mill-Aġenzija Żgħażagħ.

Dawn huma ftit eżempji ta’ din l-attitudni partiġjana min-naħa tal-Gvern li kollha seħħew fl-aħħar ġimgħat u xhur:

  • Il-Jumpstart Youth Festival organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ
  • Is-seminar Asking Youth Organisations
  • Il-programm tas-sajf Diving into Summer organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ
  • Il-Youth Empowerment Award organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ
  • Il-kampanja Give a Damn. Go vote biex żgħażagħ imorru jivvutaw għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
  • Il-konferenza We need youths.

F’dawn l-attivitajiet jew proġetti kollha, l-Oppożizzjoni kienet eskluża għalkollox u intenzjonalment ma kinitx mistiedna biex tattendi jew tikkontribwixxi.

Hija ħasra li waqt li l-Partit Nazzjonalista qed joffri l-għajnuna tiegħu biex insaħħu dan il-qasam, il-Gvern ma jridx jikkollabora u mhux qed jifhem li ħidma konġunta bejn Gvern u Oppożizzjoni tagħmel ħafna aktar ġid u tkun ferm aktar effettiva biex immexxu lil dan is-settur ’il quddiem.

Iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna, għaldaqstant il-PN jemmen li huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fuq dan is-settur.